Il-Prim Ministru Robert Abela ċaħad b’mod kategoriku li hu ntalab mill-eks Prim Ministru Joseph Muscat biex, fost oħrajn, ma jittiħdux passi kriminali kontrih b’rabta mal-konċessjoni tat-tliet sptarijiet lil Steward.
Dr Abela ċaħad dan hekk kif kien qed iwieġeb għal mistoqsijiet tal-midja lokali b’rabta ma’ allegazzjonijiet mill-eks Deputat Nazzjonalista u l-Avukat ta’ Repubblika Jason Azzopardi.
Azzopardi waqt intervista fuq stazzjon lokali allega li l-eks Deputat Prim Ministru Chris Fearne qallu li Muscat kien avviċinah fil-kampanja għal Mexxej tal-Partit Laburista, li saret iżjed minn erba’ snin ilu, li jekk jilħaq Prim Ministru ma jtemmx il-konċessjoni li ngħatat lil Steward Healthcare u biex jiskattawx investigazzjonijiet kontrih.
Kelliem għall-Prim Ministru qal li l-Prim Ministru ddikjara b’mod assolut u kategoriku li talbiet ta’ dawn it-tip qatt ma saru lilu. Sostna wkoll li, anke li kieku sarulu, hu kien jiċħadhom.