Stħarriġ tal-Maltatoday wera kif il-Prim Ministru Robert Abela baqa’ aktar fdat mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech f’kull faxxa tas-soċjetà.
Skont dan l-istħarriġ, Robert Abela jgawdi fiduċja ta’ kważi 40% filwaqt li Bernard Grech kiseb ftit inqas minn 35%.
L-istħarriġ jinnota li f’ċirkostanzi ta’ pandemija ma kienx hemm xi ċaqliq ta’ fiduċja fil-Mexxej Laburista għall-Kap Nazzjonalista, hekk kif dan tal-aħħar baqa’ fejn kien.
L-istess ġara bejn iż-żewġ partiti politiċi ewlenin fejn il-Partit Laburista baqa’ jgawdi vantaġġ sod fuq il-Partit Nazzjonalista.
Il-Prim Ministru Robert Abela jaqbeż l-aktar lil Bernard Grech fil-kategorija l-aktar żagħżugħa.
Fil-fatt ma’ dawk li jgħoddu bejn it-18 u l-35 sena, Robert Abela jgawdi l-fiduċja ta’ 36.2% filwaqt li Bernard Grech għandu fiduċja ta’ 25%.
Dan huwa distakk ta’ aktar minn 11%, l-akbar distakk ta’ fiduċja bejn iż-żewġ mexxejja f’kategorija ta’ età.