F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru ħabbar numru ta’ miżuri ġodda fis-seħħ sal-11 t’April.
Fost dawn hemm għeluq ta’ ħwienet mhux essenzjali, l-iskejjel, sospensjoni t’attivitajiet sportivi u l-projbizzjoni tat-tiġijiet.
F’Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela spjega li l-varjant tal-Covid-19, wassal biex żdiedu l-infezzjonijiet tal-Covid-19 f’pajjiżna.
Qal li l-miżuri huma msejsa fuq tliet għanijiet, dak li s-servizzi tas-saħħa jibqgħu jlaħħqu mad-domanda, li jonqsu n-numru ta’ infezzjonijiet u li nkomplu nsaħħu l-programm ta’ tilqim ta’ pajjiżna.
Il-Prim Ministru Robert Abela semma kif l-iskejjel u istituzzjonijiet edukattivi se jagħlqu minn nhar it-Tnejn li ġej.
Il-Prim Ministru semma li r-ristoranti fil-lukandi jistgħu jipprovdu biss servizz ta’ ikel fil-kamra tar-residenti.
Spjega kif Għawdex jista’ jmur biss min għandu residenza fil-gżira jew għal raġuni essenzjali.
Saħaq li fil-pubbliku, in-numru tal-gruppi li jinġemgħu flimkien issa niżel għall-erbgħa u appella biex ma jinġemgħux nies fid-djar.
Il-Prim Ministru spjega wkoll li se jkunu sospiżi l-attivitajiet sportivi u reliġjużi.
Qal li l-funerali se jkunu jibqgħu jistgħu jsiru skont il-protokolli tal-awtoritajiet tas-saħħa.
Il-Prim Ministru Robert Abela spjega li dawk li se jintlaqtu mill-miżuri l-ġodda wkoll se jikkwalifikaw għall-Covid Wage Supplement u din l-għajnuna fil-ħlas tal-pagi se jieħduha b’mod sħiħ.
Il-Prim Ministru tenna li l-ħaddiema fuq quddiem tal-ġlieda kontra l-imxija se jsibu lilu u l-Gvern warajhom u appella lin-nies biex f’dan iż-żmien ilkoll niġbdu ħabel wieħed.