Il-Prim Ministru ħabbar li se tiddaħħal sistema li permezz tagħha l-każini jkunu protetti mill-liġi tal-kera li bħalissa għandhom l-proprjetà tagħhom fuq kuntratt ta’ kiri f’bilanċ ma’ dawk tas-sidien li qed jikru dawk il-proprejatiet lilhom. Dan hekk kif il-Partit Laburista huwa konxju mis-sitwazzjoni delikata ħafna ta’ baned li jistgħu jitilfu l-każini tagħhom minħabba l-liġijiet tal-kera.
Huwa ħabbar din il-wegħda flimkien ma’ tliet proposti oħra li huma mmirati għall-każini tal-baned. Wegħda oħra tal-Partit Laburista għall-każini tal-baned hija li se jitwaqqaf fond li jgħin lill-każini tal-banda u organizazzjonijiet simili biex ikunu jistgħu jixtru strumenti tal-mużika biex ikattru u jsaħħu l-Banda rispettiva tagħhom kif ukoll biex tingħatalhom għajnuna fi proġetti innovattivi u kulturali li jżommu t-tradizzjonijiet tal-festi ħajjin.
Proposta oħra hija dik li se tkun qed tgħin lill-każini tal-baned finanzjarjament, dan hekk kif taħt Gvern Laburista dawn il-każini jibdew iħallsu l-kontijiet ta’ dawl u ilma b’rata normali u mhux b’rata kummerċjali kif isir sa issa. Flimkien ma’ dawn il-wegħdi, il-Partit Laburista qed jipproponi skema għal dawk il-każini li jridu japplikaw għal panelli fotovoltajiċi biex b’hekk, dawn il-każini jibdew jiġġeneraw enerġija rinovabbli.
L-għaqda każini tal-baned laqgħet din l-aħbar b’sodisfazzjoni b’mod partikolari l-proposta tar-riforma tal-liġi tal-kera li se tkun qed tara li jiġu protetti bil-liġi d-drittijiet ta’ min jikri l-każini. L-għaqda kellha biss kliem ta’ ringrazzjament għall-Prim Ministru Joseph Muscat talli sema’ dak li kellha xi tgħid din l-għaqda.