Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li se ssir it-trakka tal-karozzi f’sit f’Ħal Far b’investiment ta’ €20 miljun.
Id-disinji tat-trakka se jiġu ppreżentati fil-jiem li ġejjin minn esperti Ġermaniżi u fuq għażla tal-Federazzjoni Maltija għall-Motorsport.
Il-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali, l-NDSF, ukoll kellu sehem kruċjali f’dan il-proġett.
Il-Prim Ministru ħabbar dan waqt laqgħa tal-Kabinett fil-padiljun Ta’ Qali fejn tkellmu wkoll rappreżentanti ta’ diversi għaqdiet sportivi.
Qal, “Hemm l-isport tal-karozzi, sport li issa ilu jistenna biżżejjed. Diġà sar xogħol li tejjeb l-esperjenzi ta’ ċertu sezzjonijiet tad-dilettanti ta’ dan l-isport. Iżda wasal iż-żmien li nmorru għall-investiment il-kbir, it-trakka. Għandna l-pjanti lesti u mudell ta’ finanzjament maqbul ukoll bis-sehem tal-NDSF.”
Hawn il-Prim Ministru spjega wkoll li l-Gvern ried li ma tintmessx art verġni u għalhekk il-Gvern ra diversi proposti sakemm issodisfatu dik li se ssir f’Ħal Far.
Spjega, “Ridna wkoll li ma neħdux art li tinsab f’ODZ, xi ħaġa li għamilniha possibli billi se naħdmu fuq l-art f’Ħal Far madwar il-postijiet fejn diġa’ ssir attività simili.”
Il-Prim Ministru qal ukoll li talab biex ikunu skartati għal kollox pjanti li kienu se jaffettwaw ir-residenzi f’Birżebbuġa, u minflok kollox jibqa’ ’l bogħod mir-residenti kemm jista’ jkun.
“Ridt li dak li nagħmlu jkun ta’ livell, fejn l-investiment ikun wieħed li bih tkun kuntenta l-komunità tal-motorsport. Ridtu jkun proġett li jrendi għal deċenji u jilħaq standards internazzjonali”, spjega l-Prim Ministru.
Hawn spjega wkoll kif saru studji dwar il-ħoss, biex jittieħdu l-miżuri li jkun hemm bżonn biex ma jkunx hemm inkonvenjent għar-residenti.
Intant wara li l-Prim Ministru ħabbar li t-trakka se ssir realtà, bid-dmugħ f’għajnejh, il-President tal-Federazzjoni Maltija għall-Motorsport Duncan Micallef qal li llum twettqet xewqa ta’ għexieren ta’ eluf ta’ dilettanti tal-motorsport.
Qal, “Għamilna dan l-aħħar seba’ xhur nistgħu ngħidu kważi aktar minn full time, rajna x’inhuma l-limiti tal-Gvern, rajna x’inhuma l-possibilitajiet u Clifton ħaqqek prosit se tiġi mfakkar fl-istorja tal-Motorsport.”