Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li se ssir konsultazzjoni pubblika dwar il-bidla fil-leġiżlazzjoni favur it-tisħiħ fis-settur tal-volontorjat. Hu ħabbar dan waqt l-ewwel laqgħa tal-Kabinett man-nies għal din is-sena, li saret fid-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi u ddiskuttiet is-settur tal-volontarjat.
Qal, “Waħda mit-temi li għandna fuq l-aġenda tal-Kabinett hi d-diskussjoni dwar id-dokument ta’ konsultazzjoni biex inkunu nistgħu nsaħħu s-settur tal-volontorjat. U għalhekk riedna li proprju qabel tibda din is-seduta tal-Kabinett u niddiskutu dak li għandu joħroġ bħala dokument ta’ konsultazzjoni, saħansitra nisimgħu direttament minn dawk involuti fis-settur.”
F’din il-laqgħa, il-Prim Ministru Robert Abela sema’ minn bosta voluntieri f’dan is-settur minn setturi varji, fosthom mill-qasam ambjentali, sportiv, kulturali u dawk li jaħdmu mat-tfal u maż-żgħażagħ.
Qal, “Kruċjali l-enfażi li hemm fuq l-importanza tal-konsultazzjoni pubblika. Għax l-esperjenza għallmitna li kull meta nikkonsultaw u kull meta mmorru għand il-poplu biex inħabbtu miegħu l-ideat ta’ dak li qed nipproponu, ir-riżultat finali jkun dejjem wieħed aħjar.”
Il-Prim Ministru sostna li s-settur tal-volontorjat hu sieħeb strateġiku għall-Gvern fl-iżvilupp soċjo-ekonomiku ta’ pajjiżna. Kompla li dan mhux biss wegħda elettorali, iżda appoġġ biex dawn jibqgħu għaddejjin.
Dr Abela sostna li s-settur tal-volontarjat hu importanti, waqt li dawn il-bidliet se jfissru f’inqas burokrazija u s-simplifikazzjoni fil-proċessi biex ikunu rreġistrati u anke biex jibbenefikaw mill-fondi disponibbli.
Qal, “Gvern jibqa’ kommess li jiffaċilita l-ħidma tas-settur volontarju permezz tat-tisħiħ tal-appoġġ finanzjarju, iżda mhux biss. Nemmnu li jeħtieġu bidliet bżonnjużi li se jkunu qed jinjettaw aktar enerġija u ħidma fis-settur tant importanti tal-volontorjat.”
Dr Abela saħaq li hemm passjoni biex wieħed itejjeb dan is-settur u qal li l-Gvern hu konxju mill-isfidi li jiffaċċjaw, fosthom dawk tan-nuqqas ta’ riżorsi.
Il-Prim Ministru sostna li fil-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’, il-Gvern, immexxi minnu, wiegħed li jkun hemm binjiet pubbliċi, imsejħa bħala NGO Hubs, li jinkrew b’rati vantaġġjużi u inqas mir-rata tas-suq.
F’din il-laqgħa tal-Kabinett tkellmet ukoll il-Ministru responsabbli mill-Volontarjat, Julia Farrugia Portelli, li sostniet li l-Gvern se jibqa’ jkun ta’ spalla għall-għaqdiet volontarji, fosthom permezz tal-ħidma biex tonqos il-burokrazija.
Il-Ministru Farrugia Portelli sostniet kif il-Gvern qed jinvesti u jsaħħaħ it-tliet one-stop shops, li hawn miftuħa madwar il-pajjiż, u ħabbret li dalwaqt se jinfetaħ one-stop shop ieħor f’Għawdex, waqt li għaddejja ħidma biex jinfetaħ ieħor fin-Nofsinhar tal-pajjiż, kif tħabbar fil-baġit għal din is-sena.
Il-Ministru Farrugia Portelli tenniet li proġett ieħor f’dan is-settur hu dak tal-volunteer bank, li se jkun qed jiġi mħabbar mill-Gvern aktar tard din is-sena.
Qalet, “Kif se jaħdem? Jekk perit, avukat, awditur, mastrudaxxa, hi x’inhi l-professjoni li wieħed m’għandux iċ-ċans li jmur darbtejn fil-ġimgħa f’għaqda volontarja, imma jgħid jien nista’ nagħti 10 sigħat mis-servizz tiegħi b’xejn għal kwalunkwe NGO li għandha bżonn dak is-servizz.”
Il-Ministru għall-Inklużjoni sostniet li diġà hemm uħud mill-kumpaniji l-kbar li lesti jagħtu leave lill-ħaddiema tagħhom biex joffru servizz fil-volontarjat.