Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li t-Tnejn se jlaqqa’ l-Kabinettt u l-Grupp Parlamentari biex jiġi diskuss pjan għal riforma li se tindirizza għexieren ta’ snin ta’ inġustizzji b’rabta mal-kirjiet ta’ qabel l-elf disa’ mija ħamsa u disgħin.
F’Villa Bighi fil-Kalkara, Robert Abela ppreżenta pjan imsejjes fuq tliet prinċipji ewlenin immirati għas-sidien u anke għall-inkwilini.
L-ewwel prinċipju huwa dak li ħadd mhu se jispiċċa mingħajr saqaf fuq rasu.
Qal, “Kull min jistħoqqlu l-protezzjoni ta’ dawn il-kirjiet ta’ qabel il-95 se jibqa’ jingħata l-protezzjoni u se jibqa’ jkollu saqaf fuq rasu, dak huwa l-ewwel prinċipju.”
Dr Abela saħaq li dan il-pjan se jara li ma jkun hemm l-ebda piż żejjed fuq l-anzjani u n-nies vulnerabbli.
Spjega, “It-tieni prinċipju huwa li min jistħoqqlu l-protezzjoni ta’ kirja soċjali se naraw li ma jitgħabbiex b’piżijiet ta’ kera li ma jiflaħomx. Dan jgħodd partikolarment għall-pensjonanti kif ukoll għall-persuni l-oħra kollha li qegħdin f’qagħda vulnerabbli.”
It-tielet prinċipju jittratta d-drittijiet tas-sidien.
Sostna, “It-tielet prinċipju huwa li s-sidien jingħataw aktar kumpens li huwa xieraq għall-propjeta tagħhom skont il-prinċipji illum diġa huma stabbiliti fil-Qrati tagħna.
Għal dan kollu l-Prim Ministru ħabbar li se titwaqqaf taqsima apposta fi ħdan l-Awtorità tad-Djar biex tkun iffukata fuq din ir-riforma.
Saħaq li b’kuntrast għal Gvernijiet Nazzjonalisti li dejjem injoraw l-problemi, Gvern Laburista jwettaq.
Qal, “Dan huwa l-mod ta’ kif jaħdem dan il-Gvern li dejjem taf fejn qiegħed miegħu, Gvern li l-problemi u realtajiet ma jixħithomx taħt it-tapit, Gvern li miegħu taf fejn qiegħed u l-iswed jgħidlu iswed, abjad jgħidlu abjad u li mhux jinjora d-diffikultajiet tan-nies issa jindirizzahom.”
Il-Prim Ministru fakkar kif dan il-Gvern offra dinjità u serħan il-moħħ lil ħafna familji u individwi, bi pjan ħolistiku u fit-tul għas-settur tal-akkomodazzjoni.
Hawnhekk il-Mexxej Laburista pprovda kuntest wiesgħa dwar il-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali f’pajjiżna, fejn spjega li ċifri uffiċjali juru li madwar tmenin fil-mija tal-Maltin huma sidien ta’ djarhom.
Il-Prim Ministru elenka l-ħidma li wettaq Gvern Laburista fis-settur, fosthom l-iskemi kruċjali għal dawk li riedu jkunu sidien ta’ djarhom.
Qal, “Nedejna skemi f’Budget wara Budget u anke fost is-sena li jiffrankaw anke fost iż-żgħażagħ u familji ġodda eluf ta’ ewro f’taxxa. Dan permezz tal-iskemi tal-first-time buyers u s-second-time buyers.”
Dr Abela rrefera wkoll għall-isfida ta’ min ikollu self fuq proprjetà u jgħaddi minn proċess ta’ separazzjoni b’riżultat li jispiċċa bla saqaf fuq rasu. Dwar din ir-realtà huwa semma l-iskema tal-equity sharing.
Il-Prim Ministru semma wkoll l-akbar proġett li qatt rat Malta fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali b’investiment ta’ aktar minn mitt miljun ewro, li se jara l-bini ta’ madwar elf u seba’ mitt appartament.