Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li se tkun qed tiġi estiża l-għajnuna tal-Covid Wage Supplement sal-aħħar ta’ Jannar li ġej.
Huwa ħabbar dan fuq il-profil uffiċjali tiegħu fuq Facebook.
Sa dan ix-xahar il-Gvern se jkun ħareġ aktar minn €600 miljun f’għajnuna tal-Covid Wage Supplement biex żamm il-kumpaniji u n-negozji għaddejjin u jipproteġi l-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Dan assigura biex pajjiżna jkollu l-inqas rata ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea.
Madankollu, il-Prim Ministru spjega li eventwalment se tkun qed tiġi analizzata l-qagħda internazzjonali u l-impatt li jista’ jkollha fuq pajjiżna.
Fil-fatt, hawn aċċenna għall-irkupru b’saħħtu ta’ pajjiżna flimkien mat-tbassir pożittiv tal-esperti internazzjonali. Kien b’hekk li tenna li f’dan il-mument hu kruċjali li jibqgħu jiġu sostnuti dawk l-aktar affettwati bl-effetti negattivi tal-pandemija.
Fi Brussell, hekk kif qiegħed mal-mexxejja Ewropej għas-Summit tal-Kunsill Ewropew, il-Prim Ministru saħaq li dak li ilna nippriservaw fl-aħħar xhur, irridu nkomplu nsostnuh.
Huwa għalhekk li l-Kabinett iddeċieda li jestendi l-għajnuna fil-ħlas tal-pagi.