Fil-gżira Għawdxija fejn ingħata laqgħa kbira, il-Prim Ministru ħabbar li t-trasport pubbliku li se jgħaqqad lil Malta u Għawdex bil-mina se jkun b’xejn.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal: “Imma fuq kollox li nista’ nħabbar huwa li dan is-servizz tat-trasport pubbliku li ħa jgħaqqad lil Għawdex u l-Malta permezz tal-mina, mil-lum nistgħu nħabbru li ħa jkun b’xejn, b’xejn għal kullħadd.”
B’referenza għad-diskussjonijiet li qed isiru dwar il-proġett tal-mina, il-Prim Ministru qal li filwaqt li rridu nżommu l-isbuħija tal-gżira Għawdxija, ma nistgħux inżommu lil Għawdex f’bozza.
Il-Prim Ministru Muscat kompla billi qal: “U allura jien nirrifjuta kategorikament l-idea illi permezz ta’ link permanenti se nkunu b’xi mod qed inkissru lil Għawdex. Anzi jien ngħid dan huwa kollu l-ħsieb ta’ kif Għawdex jibqa’ oasi ambjentali, jibqa’ punt t’attrazzjoni kulturali u l-isbaħ parti ta’ pajjiżna imma jrid ikollok l-aqwa infrastruttura possibli.”
Fiċ-ċentru Laburista tar-Rabat Għawdex, Dr. Muscat qal li t-trasport pubbliku b’xejn tul il-mina huwa kunċett li se jitwessa’ minn Għawdex lejn postijiet strateġiċi f’Malta sabiex ħafna nies ma jagħżlux li jużaw il-karozza privata tagħhom.
Il-Prim Ministru tenna li: “Imma qed naħsbu għal servizz pubbliku illi jieħdok pereżempju mir-Rabat hawnhekk, illi jieħdok sal-airport direttament fejn inti tista’ titla’ hawnhekk u tinżel l-airport, il-postijiet strateġiċi.”
Il-Prim Ministru saħaq dwar il-konsultazzjoni fil-proġett tal-mina u qal li diġà saru diversi studji fosthom dwar l-impatt soċjali.
Qal li l-eħfef parti tal-proġett hija l-kostruzzjoni u tħaffir tal-mina għaliex din kapaċi ssir f’perjodu ta’ tliet snin.
Hawnhekk qal li l-proġett iżda huwa aktar kumpless minn hekk u bħalissa l-konsultazzjonijiet huma l-aktar importanti.
Il-Prim Ministru semma wkoll kif hawn min qed iressaq proposti b’mod ġenwin iżda wieħed għandu jifhem l-implikazzjonijiet ta’ kull proposta.
Fuq kollox il-Prim Ministru qal li l-proġett tal-mina jrid ikun wieħed vijabbli ekonomikament.
Il-Prim Ministru Muscat qal ukoll li:“Aħna rridu sistema illi tkun tista’ taħdem b’mod li tkun feasible ekonomikament u l-mina li għandna f’moħħna hija feasible ekonomikament, li ma titfax il-piż fuq it-tax payers ta’ dan il-pajjiż.”