Inbeda proċess biex jiġu identifikati artijiet tal-Gvern li jistgħu jiġu żviluppati bil-bini u minflok jinbidlu fi spazji miftuħa. Ħabbar dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt li kien qed jindirizza l-Parlament f’diskors dwar l-estimi finanzjarji tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru b’rabta mal-Baġit għas-sena d-dieħla.
Fil-fatt, il-Prim Ministru spjega li dawn l-artijiet li jistgħu jinbnew għandhom valur mhux żgħir, iżda l-Gvern jagħraf li jkunu spazji ħodor fl-urban.
“Filwaqt li dan ma jfissirx li kull art tal-Gvern tista’ tmur għal dan l-iskop, imma jfisser li iva se nkunu qed niddedikaw eluf ta’ metri kwadri ta’ art, b’valur fuq is-suq ta’ miljuni ta’ ewro, li l-Gvern se jgħid dawn mhux se nibnihom, imma se nagħtihom għal nifs ambjentali fl-urban.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Din ma kinitx l-unika tħabbira tal-Prim Ministru fil-Parlament.
Dan hekk kif ħabbar ukoll li mis-sena d-dieħla tibda taħdem sistema tal-Gvern paperless u għalhekk se jinqalbu s-sistemi minn dawk tradizzjonali ta’ filing manwali. Dan b’sistema msejħa Corporate Electronic Document bħala parti mal-istrateġija fis-Servizz Pubbliku dwar id-diġitalizzazzjoni.
“Wara li jkun aġġudikat it-tender is-sena d-dieħla u mbagħad tkun installata s-sistema ċentrali mill-MITA, l-ewwel li se jibda jkun l-Uffiċċju tal-Prim Mnistru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu. Minn hemm fuq medda ta’ snin nibdew nifirxu ftit ftit. Fuq is-sistema ċentralizzata biss, għand il-MITA, se ninvestu aktar minn €20 miljun. Eventwalment dan hu investiment li se jibqa’ jiżdied u jista’ jlaħħaq l-€40 miljun.”
il-Prim Ministru Robert Abela
F’dan ir-rigward il-Prim Ministru sostna li Malta f’dan il-qasam għandha kredibbiltà hekk kif żammet l-ewwel post fl-Ewropa fl-e-government benchmark maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea.
Intant il-Prim Ministru Robert Abela temm jaċċenna għall-Baġit Malta Ġusta li bih qed ikompli jissaħħaħ pajjiżna.
“Aħna t-triq tagħna hi t-triq li f’dan il-baġit tat l-ikbar żieda fil-pensjonijiet, tat l-ikbar żieda fiċ-Children’s Allowance, tat benefiċċji ġodda li ma kinux jeżistu qabel, kompliet tinvesti fl-Għawdxin u fil-Maltin, kompliet timmodernizza l-pajjiż. Baġit, it-tieni minn ħamsa. Fil-pjan tagħna li bih qed insaħħu pajjiżna. Fuq kollox baġit li, permezz tiegħu, komplejna noħolqu Malta Ġusta.”
il-Prim Ministru Robert Abela