Il-Gvern flimkien mal-Awtoritajiet tas-Saħħa f’pajjiżna qed jiffinalizzaw pjan ta’ miżuri ġodda sabiex jidħlu fis-seħħ minn nhar it-Tnejn li ġej.
Ħabbar dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt intervista fuq ONE Radio, it-Tlieta filgħodu.
Dr Abela spjega kif fis-sigħat li ġejjin mistenni jiġi ffinalizzat dan il-pjan li ser jiffoka aktar fuq il-kawtela milli r-rilaxx tal-miżuri.
Qal, “Mhux se jkun pjan ta’ ftuħ aggressiv jiġifieri iktar se jkun qed ixaqleb lejn in-naħa tal-kawtela bi prijoritajiet ewlenin fosthom l-edukazzjoni.”
Fil-fatt Dr Abela spjega li l-Gvern ħa jaddotta prinċipju bi-direzzjonali u li permezz tiegħu l-miżuri jkunu jistgħu jitnaqqsu jew jiżdiedu skont is-sitwazzjoni medika f’pajjiżna.
Il-Prim Ministru spjega wkoll li huwa ottimist u fiduċjuż għall-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.
Spjega, “Fl-istess waqt li nkunu kawti pożittiv, ottimist u fiduċjuż għall-ġimgħat li ġejjin u ngħidu dan għaliex ix-xjenza qed tgħidilna hekk u meta jkollok il-komfort tax-xjenza fil-miżuri li qed tieħu tkun qed timxi fuq bażi solida.”
Intant Dr Abela tenna kif il-pjan ta’ vaċċinazzjoni f’pajjiżna miexi ġmielu. Fil-fatt, ħabbar ukoll li llum pajjiżna se jkun laħaq mira importanti.
Qal, “Illum se nkunu lħaqna mira importanti ta’ madwar 220,000 doża li hija ammont b’saħħtu ħafna. Kif wasalna għalih u kif wasalna għaliha qabel pajjiżi oħrajn mhux biss issa qabel pajjiż oħrajn fl-Unjoni Ewropea imma qabel pajjiżi oħra madwar id-dinja? Billi għandna dożi ta’ vaċċin biżżejjed li nistgħu nlaqqmu.”
Dr Abela tkellem ukoll dwar l-irwol importanti tan-negozji f’pajjiżna. Iddeskrivihom bħala pedament biex f’pajjiżna jkompli jitkattar il-ġid.
Kien għalhekk li Dr Abela, fl-intervista tiegħu, kritika lill-Oppożizzjoni għall-mod ta’ kif qed tħammeġ isem pajjiżna barra minn xtutna.
Qal li, “L-ewwel imorru jagħmlu l-ħsara mbagħad imorru jgħidu li huma s-soluzzjoni għall-problemi. Din mhijiex strateġija li tagħmel sens u għalhekk li l-messaġġ tiegħi kien wieħed ċar. M’aħniex se nippermettu li xi ħadd jagħmel xi witch-hunt fuq xi negozju leġittimu. L-istituzzjonijiet aħna saħħejnihom biex jiġġieldu l-kriminalità u dak li qed jagħmlu.”
Il-Prim Ministru temm jgħid li x-xhur li ġejjin se jkunu xhur ta’ ħidma kbira favur in-negozji u l-għajxien tal-familji Maltin u Għawdxin.
Qal, “Issa fil-ġimgħat li ġejjin mhux se nitkellmu iżjed li nipproteġu lin-negozji tagħna biss imma li mmorru għall-pass li jmiss, għat-tarġa li jmiss u hemmhekk fejn irid jerġa’ jaħrab l-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna però fiduċjuż ukoll, fiduċjuż għaliex għandna l-istrateġija l-koretta, fuq kollox għandna lin-negozji għal qalbna, għandna lin-nies għal qalbna, għandna lil dan il-pajjiż u rridu nibqgħu naħdmu biex inkattru l-ġid f’pajjiżna.”