F’kitba fuq Facebook, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar b’sodisfazzjon li l-Gvern irnexxielu jagħlaq b’suċċess in-negozjati mal-Union tal-Għalliema, l-MUT dwar ftehim kollettiv ġdid għall-edukaturi tal-MCAST.
F’din il-kitba, Dr Abela qal li mhux dejjem kienu diskussjonijiet faċli. Iżda, sostna li hu kburi li għal darb’oħra se jkun Gvern Laburista li jerġa’ jsaħħaħ il-kundizzjonijiet ta’ iktar għalliema u akkademiċi li huma l-imħuħ tal-iżvilupp ta’ uliedna u għalhekk tal-ġid għall-Maltin.
Il-Prim Ministru Robert Abela radd ħajr lill-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima, li flimkien ma’ bosta nies, ħadmu bil-għaqal biex taw lil pajjiżna riżultat ieħor b’saħħtu u responsabbli favur il-ħaddiema fis-settur edukattiv u l-futur ta’ Malta u Għawdex.
Fi stqarrija, il-Unjin tal-Għalliema, l-MUT qalet li l-ftehim se jkun ippreżentat lill-membri tal-MCAST fil-jiem li ġejjin, fejn hemmhekk se jittieħed vot minn dawn l-istess membri.
L-MUT irringrazzjat lill-Ministeru għall-Edukazzjoni, lill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni, lill-Industrial Relations Unit fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u lill-MCAST dwar dan l-iżvilupp importanti.