Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela ħabbar li mit-Tnejn, il-ferry bejn il-Kottonera u l-Belt u bejn Tas-Sliema u l-Belt se jkun mingħajr bla ħlas meta wieħed juża Tal-Linja Card.
Il-Prim Ministru ħabbar dan waqt attività politika tal-Partit Laburista fil-Fgura hekk kif tenna li dan jagħmel parti mill-viżjoni ambjentali tal-Gvern.
“Nippromwovu trasport alternattiv u hemmhekk bħala parti mill-viżjoni ambjentali, imma wkoll nippromwovu l-fatt li nħallu aktar flus fil-bwiet tal-familji tagħna u għalhekk l-għan soċjali wkoll. L-għan ambjentali li jgħaqqad mal-għan soċjali.”
F’din il-lokalità, il-Prim Ministru ħabbar ukoll li l-Park ta’ San Klement f’Ħaż-Żabbar se jiġi rduppjat.
“Il-park issa sejrin nirduppjawh. Il-Park ta’ San Klement sejrin nirduppjah, nestenduh lejn il-Fgura, eventwalment ngħaqqduh mal-Kottonera. Dik ifisser it-twettiq ta’ waħda mill-wegħdiet elettorali primarji tal-manifest ‘Malta Flimkien’, aktar ġonna u aktar parks għalikom u għall-familji tagħkom.”
Il-Prim Ministru tenna li Gvern Laburista se jkompli jkun il-partit tar-riformi, biex Malta tkun aktar sabiħa u nadifa, waqt li tkun ġusta ma’ kulħadd.
Fil-Fgura, il-Mexxej Laburista tkellem dwar il-ħidma li wettaq il-Gvern favur kwalità tal-ħajja aħjar, bil-bidla fil-powerstation, li taħdem bil-heavy fuel oil għal gas u anki bil-proġett tax-shore-to-ship.
Dr Abela sostna li r-rata tal-emissjonijiet ukoll naqset bħal ma kienet erbgħin sena ilu, meta l-ekonomija ta’ pajjiżna kienet iċken. Iżda dan it-tnaqqis qawwi fl-emissjonijiet sar waqt li l-ekonomija ta’ pajjiżna fl-aħħar snin kibret sew, hekk kif bħalissa għandha l-akbar rata ta’ tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea.
Dwar l-immaniġġjar tal-iskart qal li din ir-riforma kellha tbiddel magħha l-kultura u li waslet għall-akbar ammont ta’ riċiklaġġ u wassal biex l-iskart sar riżorsa. Dan anke fid-dawl li l-Gvern kellu sabotaġġ minn esponenti ewlenin tal-Partit Nazzjonalista, hekk kif ma riditx tbiddel u tibqa’ bil-politika tal-miżbliet.
Il-Prim Ministru qal li dak li twiegħed li jingħalaq l-impjant ta’ Sant Antnin f’Wied il-Għajn se jkun qed iseħħ, hekk kif se jingħalaq u jsir spazju miftuħ ġdid.
Dr Abela qal ukoll kif din il-ġimgħa fil-Kabinett tal-Ministri ġiet approvata l-awtorità l-ġdida dwar it-tibdil fil-klima.
Il-Prim Ministru sostna li l-Partit Laburista huwa l-partit tal-ġustizzja soċjali, li jwettaq il-ħolm u l-aspirazzjonijiet tan-nies.