Malta użat b’suċċess mija fil-mija tal-fondi Ewropej allokati għaliha għall-perjodu 2013-2020, liema perjodu teknikament għalaq f’Diċembru li għadda.
Ħabbar dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt l-inawgurazzjoni tal-Palazz tal-Granmastru fil-Belt Valletta hekk kif kien qed jitkellem dwar l-użu tal-fondi Ewropej. Fondi li bbenefika minnhom l-istess proġett ta’ restawr estensiv tal-Palazz.
“Nista’ nħabbar li pajjiżna assorba mija fil-mija tal-fondi allokati għalih għal dak il-pakkett mill-2013 sal-2020. Hija kisba li hija waħda importanti ferm għaliex hija frott il-ħidma, l-effiċjenza u d-determinazzjoni ta’ ħafna u ħafna nies.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru tenna li dan jawgura tajjeb għall-perjodu li ninsabu fih wara li l-Gvern nnegozja l-ikbar pakkett ta’ fondi Ewropej għal pajjiżna, pakkett ta’ 2.1 biljun ewro u b’hekk Malta issa għandha d-doppju tal-fondi Ewropej li kellha qabel x’tuża.
Meta kienu għaddejjin in-negozjati dwar il-pakkett ta’ fondi għall-perjodu kurrenti, il-Gvern ma waqafx bil-ħidma biex jinvesti l-pakkett ta’ fondi Ewropej li kellu għad-dispożizzjoni tiegħu.
B’dawn il-fondi issa ġew assorbiti kollha għall-benefiċċju taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.
“F’Ġunju tal-2020 ġewwa Brussell kellna l-ħila u l-kapaċità li nnegozzjajna pakkett ta’ fondi ewropej ta’ tnejn punti wieħed biljun ewro li magħhom aktar ’il quddiem ingħaqdu l-fondi tal-RRP, li kienu l-iktar pakkett ta’ fondi ewropej li qatt irnexxielu jinnegozja pajjiżna. Fondi li ngħid li qed niddirezzjonawhom lejn il-bidliet ambjentali u l-bidla diġitali fost oħrajn li huma ż-żewġ tranżizzjonijiet primarji li għandna quddiemna. Sfidi kbar vera imma opportunitajiet daqstant ieħor kbar.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Il-€1.1 biljun għall-perjodu 2013-2020 kienu investiti fi proġetti kapitali, proġetti soċjali u programmi oħra.
Fosthom bl-investiment ta’ disa’ mija u ħamsa u għoxrin miljun u ħames mitt elf ewro, li saru 128 investiment jew proġett li l-mira tagħhom kienet li tagħmel l-ekonomija ta’ pajjiżna mhux biss aktar kompetittiva iżda anke innovattiva.
Fost dawn kien hemm il-fondi ta’ koeżjoni li bihom saru investimenti infrastrutturali fl-edukazzjoni, fis-saħħa, fil-kultura u l-innovazzjoni, fl-enerġija rinnovabbli u l-kompetittività. Ma’ dawn jiżdiedu investimenti li saru fl-infrastruttura marittima u tat-toroq tagħna, flimkien ma’ fondi oħra li ġew allokati biex jiġu mitigati l-impatti tal-pandemija b’suċċess. Fil-fatt, l-investiment f’dawn l-oqsma laħaq is-€673 miljun.
Dan filwaqt li madwar €280 miljun il-Gvern investihom f’prijoritajiet aktar soċjali u fil-ħiliet, biex jgħinu aktar nies jibnu fuq il-kapaċitajiet tagħhom, isibu xogħol aħjar filwaqt li tittejjeb il-ħidma tal-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna. F’dan il-qasam biss, saru 54 proġett, tliet skemi maġġuri u strument finanzjarju fil-qasam tal-edukazzjoni.
Hu stmat li ftit inqas minn 150,000 persuna bbenefikaw minn opportunitajiet jew proġetti li saru b’dan il-fond madwar Malta u Għawdex. B’dawn ma jinkludux proġetti u ħidma li kienet għaddejja fl-aħħar snin bil-fondi ta’ rkupru u reżiljenza.
Il-kumplament tal-fondi kien finanzjament lejn programmi bħal Erasmus u inizjattivi oħra.
Il-Prim Ministru Robert Abela temm isostni l-impenn tal-Gvern li filwaqt li jkompli jaħsad l-opportunitajiet għal pajjiżna, ikompli jinvesti fin-nies u jwettaq aktar ħidma għall-poplu Malti u Għawdxi.