Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-Kummissjoni Ewropea tat opinjoni pożittiva ħafna fuq il-Budget li ressaq il-Gvern għas-sena d-dieħla.
Waqt intervista fuq ONE, il-Prim Ministru spjega kif l-esperti tal-Kummissjoni Ewropea waslu għal tliet konklużjonijiet; li hemm qbil mal-Gvern dwar it-tbassir ekonomiku ta’ Malta, hemm qbil ukoll mal-miri fiskali tal-Gvern u dak imħabbar fil-Budget jista’ jintlaħaq.
Dr Abela sostna li dawn l-affarijiet jagħtuk iżjed rieda biex tkompli taħdem.
Il-Prim Ministru semma wkoll diversi miżuri tal-Budget fosthom l-inċentiv biex persuni jixtru proprjetajiet li ilhom mibnija għal aktar minn għoxrin sena u vakanti iżjed minn seba’ snin u xiri ta’ proprjetajiet f’żoni ta’ konservazzjoni urbana.
“Ta’ qabilna kienu jikkastigaw lin-nies, aħna ninċentivaw lin-nies”, saħaq il-Prim Ministru, li fisser il-miżura msemmija bħala waħda importanti li tgħin anki l-ambjent ta’ madwarna.
Dr Abela qal li fuq kollox il-Gvern mhux bħall-Oppożizzjoni, fejn issejjaħ bħala daħq fil-wiċċ, l-għotja ta’ €11,000, li tista’ titla’ b’elf ewro oħra, favur ix-xiri ta’ vetturi li jniġġsu inqas.