Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li l-Gvern se jkun qed jirregola t-temping agencies; l-aġenziji li jġibu l-ħaddiema barranin f’pajjiżna.
Dan tħabbar waqt intervista fuq ONE Radio mal-ġurnalist ta’ ONE News, Samuel Lucas, fejn għal darb oħra, il-Prim Ministru tkellem dwar il-ħaddiema barranin.
Sostna li l-għan ta’ dawn il-liġijiet huma li jrażżnu l-attitudni ta’ min irid jaħdem bla standards u juża ħaddiema barranin biex igawdi ħafna hu, fl-istess ħin li s-soċjetà tgawdi ftit jew xejn.
Qal, “Temping agencies li huma leġittimi jistgħu jibqgħu joperaw, anki fil-kuntest ta’ dan il-qafas leġiżlattiv. Peró oħrajn fosthom, li tgħid kelmuni f’dawn l-aħħar jiem u bagħtuli korrispondenza u qaluli qed tkunu iebsin wisq magħna, qed tkun rigidi biżżejjed. Bilfors. Għaliex jekk mhux se jkun hemm kontrolli li huma neċessarji, il-pajjiż se jbati u jien irrid pajjiż li jibqa’ miexi ’l quddiem bis-saħħa, kif imxejna f’dawn l-aħħar snin u iva, fejn hemm min qed jabbuża minn ċertu sistemi se nkunu iebsin u se nkunu rigidi.”
Il-Prim Ministru tkellem dwar Malta ġusta, li fiċ-ċentru tagħha hemm il-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Dr Abela sostna li l-Gvern qed jara li jagħti l-aqwa għodda lill-istudenti, hekk kif l-edukazzjoni hija kruċjali għall-ħiliet.
Qal, “Għandna setturi li fl-ekonomija tagħna joffru opportunitajiet kbar, jekk mhux qed nitkellmu dwar coding, jekk hux qed nitkellmu dwar servizzi finanzjarji, jekk hux qed nitkellmu dwar il-farmaċewtika, l-avjazzjoni – hemm opportunitajiet li huma kbar, li nerġa’ ngħid, bit-tisħiħ tal-edukazzjoni tal-ħaddiema tagħna, bit-taħriġ tal-ħaddiema tagħna, irrid nara kemm nifilħu Maltin u Għawdxin jaħtfu dawk l-opportunitajiet. Imbagħad fejn is-suq tax-xogħol tagħna ma jkunx jista’ joffri biżżejjed riżorsa umana biex jinħatfu dawk l-opportunitajiet, hemmhekk hemm il-ħtieġa tal-ħaddiema barranin ġenwieni.”
Hawnhekk il-Prim Ministru nnota li l-Gvern żied ix-xogħol u hekk se jibqa’ jagħmel.
Irrimarka li l-ħidma tal-Gvern Laburista f’dan il-qasam tidher biċ-ċar hekk kif pajjiżna qed jirreġistra l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja u pajjiżna għandu l-inqas rata mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Qal, “Irridu ekonomija li tikber b’mod sostenibbli, li tikber fil-kuntest ta’ prijoritajiet li għandu l-pajjiż: qalba diġitali, qalba ambjentali, qalba lejn setturi li huma less labour intensive, jiġifieri ma jeħtiġux daqstant riżors umana li joperaw. Dan huwa partit sinonimu mat-tkabbir ekonomiku li ssarraf fi kwalita ta’ ħajja aħjar tan-nies, jekk mhux bit-tisħiħ tas-servizzi tas-saħħa, it-tisħiħ tal-benefiċċji soċjali, l-għajnuniet b’saħħithom li tajna fil-qasam tal-enerġija u l-investimenti li għamilna fil-qasam tal-enerġija. Dak huma frott it-tkabbir ekonomiku li wasal imbagħad għand in-nies.”