Il-Ġimgħa filgħaxija waqt l-għeluq tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela ħabbar li waqt pandemija globali, tliet kumpaniji tal-manifattura se jinvestu f’pajjiżna fiż-żmien li ġej.
F’diskors ta’ viżjoni fejn irid jieħu l-pajjiż fis-snin li ġejjin u b’sensiela ta’ proposti, Dr Abela semma kif is-settur tax-xogħol f’pajjiżna se jibqa’ b’saħħtu.
Il-Prim Ministru qal, “Nista’ nħabbrilkom hawn illejla li għandna tliet kumpaniji kbar fil-manifattura li nfurmawna fl-aħħar ġimgħat b’investimenti miljunarji ġodda f’pajjiżna għaż-żmien li ġej. Dan l-investiment iżommilna s-suq tax-xogħol b’saħħtu.”
Il-Prim Ministru qal kif pajjiżna għandu l-inqas livell ta’ qgħad li qatt kellu fl-istorja tiegħu.
Semma d-deċiżjonijiet għaqlin tal-Gvern li salvaw eluf ta’ impjiegi u l-għajxien tal-familji u n-negozji.
Saħaq, “Infurmat li l-ġimgħa li għaddiet kellna inqas minn 1,600 persuna fuq ir-reġistru tal-qgħad. L-inqas li qatt kellna fl-istorja. Lanqas qabel il-pandemija ma qatt konna taħt l-1,600 persuna jirreġistraw. U dan filwaqt li f’pajjiżi oħra l-qgħad kompla jerfa’ rasu. Għalhekk spiċċa ż-żmien li nikkuntentaw bil-medja. Illum nikkuntentaw biss kull meta nilħqu l-quċċata.”
Il-Prim Ministru tkellem kif beda proċess ta’ ippjanar għall-budget għas-sena d-dieħla li jitressaq fil-Parlament fix-xhur li ġejjin.
F’indirizz f’Manoel Island, bl-isfond sabiħ tal-kapitali, il-Prim Ministru għamel wegħda oħra mal-poplu.
“Minn issa nista’ nassigurakom li mhux se nżidu taxxi. Fl-istess ħin li nifhmu li t-taxxi dovuti iridu jingabru kollha sabiex pajjiżna jkun jista’ jibqa’ miexi ‘l quddiem.”
Il-Prim Ministru qal li Gvern immexxi minnu kellu jieħu bosta deċiżjonijiet waqt pandemija u mhux dejjem kien perfett iżda fil-mumenti li jgħoddu, il-poplu sab Gvern ta’ spalla.
Saħaq li l-Gvern baqa’ sejjer tajjeb f’din il-pandemija għax ħadem b’tim magħqud u ġibed l-istess ħabel.
Fil-fatt Dr Abela qal, “Flimkien ma’ team inkredibbli ta’ nies fil-Gvern, ma’ Chris Fearne u l-kollegi kollha fil-Kabinett u l-Grupp Parlamentari, imxejna t-triq bil-għaqal. Kellna u għad għandna sfidi. Hadna deċiżjonijiet kultant mgħaġġlin, u kultant kawti żżejjed, imma meta nħarsu lura kulħadd jaf li fil-mumenti li jgħoddu, ħadna d-deċiżjonijiet il-kbar li kellna nieħdu. Hekk, ħadna ħsieb is-saħħa u l-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin u tal-Maltin.”
Il-Mexxej Laburista għalaq l-indirizz b’saħħtu tiegħu billi saħaq li dan il-Gvern se jkompli jaħdem għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi.
“L-għażla lil min se tafda l-pajjiż f’dan iż-żmien kruċjali qatt ma kienet aktar ċara. Huwa għalhekk li hemm bżonn l-esperjenza fit-tmexxija ta’ min jibqa’ kalm u determinat quddiem sfidi li naffaċċjaw. Għalhekk hemm bżonn ta’ enerġija u onestà biex dan il-pajjiż dejjem immexxuh ‘il quddiem. Biex flimkien nibnu pajjiż aħjar għal-lum u għal għada.”