Minn din is-sena skolastika, Skema 9 se titwessa’ skont il-ħtieġa u madwar elfejn student li jgawdu minn din l-iskema se jiġu mgħejjuna f’aktar minn għajnuna waħda li jeħtieġu.
Ħabbar dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt laqgħa tal-Kabinett bit-tema ‘Gvern man-nies’ fl-iskola sekondarja ta’ Ħad-Dingli, Kulleġġ San Nikola.
Bħalissa, Skema 9 toffri l-għażla lil numru ta’ tfal li jibbenefikaw minn wieħed minn sensiela ta’ għajnuniet, fosthom uniformi b’xejn, lunch kuljum, sett stationery b’xejn, fotokopji b’xejn u attivitajiet extrakurrikulari bla ħlas.
Madankollu, skond anke l-manifest elettorali tal-Partit Laburista din issa se tkun qed tiġi mwessa’.
“Jeżistu madwar 2,000 student li jibbenefikaw minn dik magħrufa bħala skema 9 u biex ikunu mgħejjuna sa issa jieħdu waħda minn uniformi, lunch, stationery jew photocopies b’xejn f’kull sena skolastika. Minn din is-sena skolastika stess l-iskema ser titwessa biex skont il-ħtieġa, tkun tista’ tingħata aktar minn għajnuna waħda. Jekk tifel għandu bżonn l-erbgħa jieħu l-erbgħa. Skont kif imwiegħed fil-manifest elettorali.”
Apparti minn hekk il-Prim Ministru sostna li din il-miżura se tkun qed tiġi akkumpanjata minn fond b’medja ta’ €10,000 għal kull skola, biex jiġu mgħejjuna studenti fil-ħtiġijiet bażiċi.
B’hekk din il-wegħda tal-manifest elettorali li l-poplu ta mandat ċar dwaru qed titwettaq.