Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar investiment multi-miljunarju mill-kumpanija internazzjonali Seifert f’pajjiżna.
Investiment ta’ €8 miljun li ser iservi bħala l-ewwel pass sabiex l-operat tal-kumpanija jkun iżjed sostenibbli, b’estensjoni tal-faċilità.
B’dan l-investiment se jinħolqu mitt impjieg.
Il-kumpanija Ġermaniża għandha iżjed minn ħamsin sena esperjenza fl-industrija tal-manifattura.
Il-Prim Ministru Robert Abela stqarr kif dan jieħu lil pajjiżna pass eqreb lejn il-miri ta’ sostenibbilità.
Qal kif l-ekonomija u s-sostenibbilità ambjentali wkoll imorru id f’id.
Huwa spjega kif meta kumpanija Maltija ssib metodi innovativi ta’ kif tmur pass eqreb, dan itiha element ġdid ta’ kompetittività.
Huwa innota kif din il-kumpanija f’Malta hija l-ewwel fabbrika li hija carbon neutral f’pajjiżna.
Il-Prim Ministru stqarr kif dan l-investiment huwa evidenza ċara li dan it-tip ta’ investiment huwa riċetta ta’ tkabbir.
Qal li huwa għalhekk li bħala pajjiż qed ikompli jinvesti fl-industrija u mill-istat l-intrapriżi qed isibu s-sostenn tal-Gvern għal iktar proġetti ta’ dan it-tip.
Hawnhekk innota kif il-Budget għas-sena d-dieħla huwa evidenza ċara ta’ dan.
Qal, “Qed naraw lin-negozji li mhux biss qegħdin jirkupraw iżda qed jagħmlu investimenti ġodda għaliex bqajna nagħtuhom il-kuraġġ li jinvestu, bqajna inniedu skema wara oħra biex ninċentivaw fit-training. Illum smajt lil Michael Seifert, kellimni dwar il-mod ta’ kif jagħmlu t-training tal-aktar nies tekniċi tagħhom u semma l-għajnuniet li qed jingħataw mill-Malta Enterprise, skemi innovattivi li kontinwament jgħinu fit-taħriġ. Issa rridu nmorru għal challenges oħrajn. L-upskilling tal-ħaddiema tagħna, l-importanza li nkomplu ntellgħu l-ħiliet tal-ħaddiema u naturalment bħal challenges ġodda tan-nuqqas ta’ ħaddiema ma nistgħux ninjorawhom lanqas għaliex huma reali, qed issemihom l-industrija u rridu nindirizzawhom ukoll.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Grupp Seifert, Michael Seifert spjega kif l-investiment mistenni jkun lest sa Settembru tas-sena d-dieħla biex wara, il-fabbriki li l-kumpanija għandha f’pajjiżi oħra madwar l-Ewropa, ikomplu fuq il-passi tal-kumpanija f’Malta
Huwa appella wkoll lill-Prim Ministru sabiex ikompli fuq it-triq li qabad sabiex pajjiżna jkompli jattira l-investiment kif qiegħed jagħmel bħalissa.