Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li l-Gvern, permezz ta’ inizjattiva importanti, se jkun qed joffri stabbiltà fil-prezzijiet ta’ madwar 400 prodott ta’ ikel sal-Baġit li ġej.
Stabbiltà li, permezz tagħha, 15-il kategorija ta’ prodotti essenzjali mhux se jkunu qed jaraw il-prezz tagħhom jiżdied għad-disa’ xhur li jmiss, filwaqt li dawn jinbiegħu b’85% tal-prezz li kellhom f’Ottubru li għadda.
Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar dan f’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Stabbiltà fil-Prezzijiet’, flimkien mal-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri.
Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru spjega kif, b’din l-inizjattiva, il-Gvern qed joffri stabbiltà fejn ħafna ma ħasbux li kien se jkun hemm.
“Kulħadd, kull espert li tkellimt miegħu, qal li hemm limitazzjonijiet tas-suq, limitazzjonijiet legali li hu impossibbli li taslu għal inizjattiva u twasslu għal inizjattiva bħal din. Kulħadd qalli li mhux possibbli u ma nitilqux f’toroq li tafu li mhux se twassluhom. Iżda apprezzajt is-sens ta’ djalogu li dħalna għalih flimkien u għalhekk nemmen li dak li qed inħabbru llum hu pass verament importanti. Bih se nkunu qed nagħtu, aktar minn kollox, stabbiltà f’qasam fejn il-familji tagħna qabel ma kinux qed jemmnu li se jkollna.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Fil-fatt, il-Prim Ministru Robert Abela spjega l-punti prinċipali ta’ din il-miżura.
“Qed naraw li r-retail price tal-prodotti jkun ħmistax fil-mija inqas minn kif kien fl-aħħar ta’ Ottubru meta bdejna dawn id-diskussjonijiet. U dan fuq ħafna prodotti, hekk kif hawn qed nitkellmu fuq erba’ mitt prodott essenzjali. Iżda, l-iktar għan ta’ din ir-riforma u inizjattiva li qed niffinalizzaw illum se jkun li nfittxu u nsibu l-istabbiltà f’settur li hu daqstant importanti. Is-serħan il-moħħ li ġġib l-istabbiltà, li sal-Baġit li ġej il-prezz ta’ dawn it-tant prodotti essenzjali mhux se jerġa’ jiżdied.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru rringrazzja wkoll lill-importaturi u lis-sidien tas-supermarkets li għamlu l-parti tagħhom favur din l-inizjattiva importanti. Fil-fatt, il-Prim Ministru rrimarka d-djalogu pożittiv li kien hemm favur l-implimentazzjoni ta’ l-inizjattiva.
Sadanittant, Dr Abela sostna kif, b’dak imħabbar, il-Gvern kompla jkun ta’ spalla għall-poplu u joffri stabbiltà importanti. Stabbiltà li qed tidher mhux biss illum, iżda kull darba li pajjiżna ffaċċja sfida wara oħra.
“Għamilna bil-bosta aktar milli għamlu u setgħu jagħmlu gvernijiet Ewropej oħrajn. Għamilna wkoll ferm aktar milli dak li kien sar fi preċedenti li għadda minnu dan il-pajjiż u l-bqija tad-dinja. Meta feġġet il-pandemija nidejna skemi li kienu qawwija kriżijiet oħrajn. bħall-Wage Supplement, nidejna skema, għal tnejn, ta’ vawċers, nidejna skema ta’ posponiment tat-taxxi, fost diversi miżuri li għamilna. Tajna garanzija ta’ stabbiltà assoluta fil-qasam tal-enerġija li jinkludi l-gass, il-fuels u l-prodotti tal-ilma.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru fakkar ukoll kif, apparti dan, Gvern Laburista introduċa baġits bla taxxi ġodda u magħhom miżuri li jsaħħu l-purchasing power tal-poplu, miż-żieda fil-pensjoni u ċ-Children’s Allowance għal mekkaniżmu ġdid kontra l-għoli tal-ħajja.
Dr Abela b’hekk tenna li dawn l-elementi ta’ għajnuna u stabbiltà, il-Gvern se jibqa’ jħaddanhom fil-politika tiegħu. Dan filwaqt li jibqa’ jħares il-finanzi pubbliċi ta’ pajjiżna.
“Iva, kull meta kien hemm bżonn, għenna lin-nies u qed inkomplu ngħinu lin-nies u hekk se nibqgħu nagħmlu, filwaqt li qatt ma nittraskuraw il-finanzi tal-pajjiż, anzi niżguraw li nibqgħu nsaħħu l-finanzi pubbliċi.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru temm jgħid li dan kien sinjal li dan il-Gvern mhux biss jifhem il-ħtiġjiet tal-poplu, iżda jaġixxi dwarhom.
“Illum tajna flimkien sinjal li l-ħtiġijiet tal-poplu mhux biss nifhmuhom, imma naġixxu dwarhom. Meta ngħidu ‘Malta Ġusta’ hu dak li rridu nfissru. Li f’dak kollu li nagħmlu, inħallu impatt pożittiv fuq in-nies. Nirringrazzjakom ilkoll, intom parti mis-sinsla tas-suċċess Għawdxi u Malti.”
Il-Prim Ministru Robert Abela