Dalgħodu, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar il-Birżebbuġa Promenade Regeneration Project, li se jsir b’investiment ta’ €12-il-miljun.
Ix-xogħlijiet se jsiru mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, fejn se ssir riġenerazzjoni mill-Batterrija Ferretti sal-pitch tal-waterpool, mad-dawra sħiħa tal-Bajja ta’ San Ġorġ. Dan il-proġett se jinkludi madwar 1.6 kilometru ta’ riġenerazzjoni tal-promenade.
Ġie spjegat li dan il-proġett se jagħti lin-nies, ħames spazji miftuħa. Fost dawn hemm dak ħdejn il-monument ta’ Bush u Gorbachev, fejn hemmhekk se jinbidel fi spazju miftuħ u l-parkeġġ se jkun taħt l-art.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li pajjiżna jista’ jkollu ekonomija b’saħħitha, iżda din trid tissarraf fi proġett tal-ġid komuni, bħal dan li qed jitħabbar f’Birżebbuġa.
Dr Abela semma li f’dan il-proġett, il-Gvern qed jinvesti fin-nies u semma s-sinerġija bejn il-privat, il-Kunsill Lokali u d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi sabiex jitwettaq dan il-proġett.


Il-Ministru responsabbli mill-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett qal li dan il-proġett mhux iżolat, hekk kif se jsir ix-xogħol ta’ riġenerazzjoni f’Buġibba u fl-Imsida, fost oħrajn. Il-Ministru Bonett semma kif dan il-proġett jinkludi fih cycle lane u żona fejn in-nies ikollhom fejn jimxu b’mod sigur.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mix-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia qal li fil-passat il-lokalità ta’ Birżebbuġa ma kinitx rikonoxxuta u ssir se jsir titjib kif jixirqilha. B’dan se jagħti kwalità ta’ ħajja aħjar lir-residenti ta’ Birżebbuġa u lil dawk kollha li jżuruha.
