Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li se jiġi ppubblikat l-avviż legali għall-kunċett ta’ ‘Equal Pay for Work of Equal Value’ għas-settur privat sa mill-bidu tas-sena d-dieħla.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet f’fabbrika fil-Marsa, il-Prim Ministru, akkumpanjat mis-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul, qal li din il-bidla se tfisser li ħaddiema tal-kuntratturi u ħaddiema impjegati dirett fl-istess post tax-xogħol jitħallsu indaqs meta jagħmlu l-istess xogħol tal-istess valur.
B’hekk, mill-ġdid, il-Gvern se jkompli jsaħħaħ id-drittijiet tal-ħaddiema, bil-Prim Ministru jispjega ħidmet il-Gvern bħala waħda li tkompli timbotta r-riformi u l-bidliet li jagħtu s-saħħa lill-ħaddiem.
Dr Abela rrimarka kif din kienet wegħda oħra mwettqa fil-programm ta’ ħidma tal-Gvern ‘Malta Flimkien’.
Il-Prim Ministru qal li llum id-diskussjonijiet mhux biss bdew, iżda l-Gvern irnexxielu jġib bidliet imnebbħin mir-ruħ soċjali.
Il-Prim Ministru sostna kif dan il-kunċett qed jagħti dinjità u drittijiet aktar b’saħħithom lill-ħaddiema kollha.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul, sostna kif din ir-riforma fid-drittijiet tal-ħaddiema, qed tiġi wara r-regolarizzazzjoni tat-temping agencies, bid-drittijiet tal-ħaddiema jkunu fiċ-ċentru tat-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna.
Dr Ellul semma l-ħidma fuq sena u nofs ta’ djalogu soċjali u ma’ min iħaddem dwar dan il-kunċett. Hawnhekk intqal kif inżamm il-bilanċ bejn id-drittijiet tal-ħaddiema u dawk ta’ min iħaddem.