“Għall-futur Malta se jkollha linja nazzjonali tal-ajru kif meħtieġ. Linja nazzjonali aktar b’saħħitha. Linja nazzjonali li tagħmel profitt. Linja nazzjonali taqdi lil pajjiżna ekonomikament u soċjalment.”
Ħabbar dan il-Prim Ministru Robert Abela minn Hangar One fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta waqt konferenza tal-aħbarijiet, b’rabta mal-linja nazzjonali tal-ajru l-ġdida ta’ pajjiżna u li se tibda topera minn Marzu tas-sena d-dieħla.
Dr Abela, fl-indirizz tiegħu, sostna li dan qed isir fi sfond ta’ perjodu twil ta’ inċertezzi b’rabta mal-Air Malta għal numru twil ta’ snin.
Qal “L-interess ta’ Malta hu li jkollna linja tal-ajru nazzjonali b’saħħitha. Mhux waħda li taħdem bl-iskossi jew mifnija bl-inċertezza. Mhux waħda li kull ftit snin trid tagħmel pjan ta’ ristrutturar. Iżda, linja tal-ajru nazzjonali li taħdem b’mod sostenibbli.”
Hekk kif tħabbru d-dettalji dwar il-linja tal-ajru nazzjonali l-ġdida, il-Prim Ministru sostna li dawn id-deċiżjonijiet li ttieħdu iħarsu bil-quddiem favur Malta aħjar għall-futur.
Sostna, fost oħrajn, kif il-linja nazzjonali tal-ajru se jibqa’ jkollha tmien ajruplani u se tkun qed topera għal 17-il destinazzjoni.
Qal “Ridna li nibqgħu nżommu l-istess numru ta’ passiġġieri, anzi li nkunu qed inżidu marġinalment li l-linja se tkun qed titrasporta. Inżommu l-r-rotot profitabbli u dan il-għan ilħaqnih.”
Biex din il-kumpanija tkun fuq saqajha, il-Prim Ministru rrimarka kif il-Gvern se jkun qed jara li jinvesti mat-€350 miljun bil-għan ikun li sal-2025 l-kumpanija tibda tagħmel il-qligħ fuq l-attività normali tagħha.
Il-kumpanija l-ġdida se żżomm l-istess numru ta’ ħaddiema li għandha llum, filwaqt li lil dawn il-ħaddiema se toffrilhom karrieri ta’ kwalità.
Irrimarka wkoll l-importanza tar-reklamar u l-isem tal-Air Malta.
Qal “L-Air Malta hija brand tal-Gvern Malti. It-twaqqif ta’ kumpanija ġdida ma jibdilx dan. Għalhekk se naraw li l-kumpanija l-ġdida tkun f’pożizzjoni b’saħħitha biex tikkompeti u tibqa’ tuża din il-brand.”
Fi tmiem id-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka li b’li qed isir llum, minn issa ’l quddiem il-kapitlu tal-linja nazzjonali tal-ajru tagħna jerġa’ jkun wieħed ibbażat biss fuq ċertezza u stabbiltà.
Qal“Konvint li se naslu u dak li qed inħabbru llum se jagħtina l-frott fit-tul. Malta b’saħħitha jixriqilha linja tal-ajru nazzjonali b’saħħitha, u mhux se nibżgħu nieħdu d-deċiżjonijiet biex insaħħu Malta tagħna. Hekk jitlob il-ġid komuni. Hekk naħdmu għall-ġid tal-komunità. Hekk infissru meta ngħidu ‘getting the future right’.”