“Meta nitkellmu dwar l-ambjent m’għandniex nibżgħu nkunu kuraġġjużi.”
Kien dan il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt diskussjoni mill-aktar interessanti dwar il-qasam ambjentali f’Marsaxlokk.
Dan bħala parti mill-attivitajiet tal-Partit Laburista bħala parti mill-kampanja elettorali b’rabta mal-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju. Kampanja bit-tema ‘Is-Saħħa lill-Maltin’.
F’din l-attività, il-Prim Ministru fost affarijiet oħra ħabbar ħidma mill-Gvern sabiex art agrikola f’Bulebel ikun assigurat li ma tiġix żviluppata.
“Illum ninsab f’pożizzjoni li nikkonferma li l-pjan lokali għal dak li jolqtot iż-Żona Industrijali ta’ Bulebel se jkun qed jiġi modifikat biex wieħed jiżgura darba għal dejjem li mhux se jkun hemm żvilupp hemmhekk li jolqot art agrikola. L-art agrikola, kienet art agrikola, kienet raba u hekk se tibqa’.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Fuq l-istess suġġett il-Prim Ministru rrimarka l-ħidma sfieqa biex Ħondoq ir-Rummien jiġi salvat mill-iżvilupp.
“Bħalissa qegħdin propju fil-proċess biex dik il-bidla tiġi ssiġillata. Dik il-garanzija li tajna b’mod mill-aktar ċara tiġi ssiġillata darba għal dejjem.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Intant, il-Prim Ministru rrimarka wkoll il-ħemel ta’ miżuri ta’ Gvern Laburista favur il-qasam ambjentali f’pajjiżna.
Semma fost oħrajn il-proġett tax-shore to ship li permezz tiegħu vapuri u cruiseliners li jidħlu fil-Port il-Kbir jistgħu jitqabbdu mal-grid tal-elettriku ta’ pajjiżna u jitfu l-magni tagħhom, b’riżultat li jniġġsu inqas.
Apparti minn hekk Dr Abela rrimarka inċentivi b’rabta mal-qasam tal-propjetà fosthom dawk għall-First-Time Buyers u l-ħelsien mill-VAT f’każ ta’ restawr u xiri ta’ propjetajiet f’żoni ta’ konservazzjoni urbana, li introduċa Gvern Laburista.
B’rabta mal-pjanijiet lokali u r-reviżjoni tagħhom fl-2006 mill-Partit Nazzjonalista biex art kbira daqs is-Siġġiewi b’daqqa ta’ pinna seta’ jsir żvilupp fuqha, il-Prim Ministru sostna li d-dritt għal żvilupp li għandhom il-persuni li għandhom dawn l-artijiet ma jistax jitneħħa madankollu għandu jintlaħaq bilanc bl-użu tal-propjetajiet tal-Gvern favur il-benefiċċju tal-komunità anke permezz ta’ żvilupp ta’ spazji ħodor.
Dr Abela temm il-messaġġ tiegħu billi sostna li l-jum tat-8 ta’ Ġunju huwa l-jum li fih il-poplu se jiddeċiedi jekk hux se jibqa’ jimbotta ’l quddiem Gvern li jemmen bis-saħħa f’dawn l-inizjattivi jew ireġġa’ l-arloġġ lura.
“Il-jum tat-8 ta’ Ġunju huwa jum importanti ħafna. Jum li fih inthom se tkunu qed tieħdu deċiżjoni fuq jekk tridu tibqgħu timbottaw ’il quddiem Gvern li jemmen bis-saħħa f’dawn l-inizjattivi jew jekk hux se tagħtu ċ-ċans lil min irid jreġġa’ l-arloġġ lura. L-għażla hija waħda ċara, l-għażla hija waħda f’idejkom, l-għażla trid tkun waħda favur li nagħtu s-saħħa lill-Għawdxin, is-saħħa lill-Maltin, is-saħħa lill-Ixlukkajri kollha.”
Il-Prim Ministru Robert Abela