Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar ftehim li ser jara it-twaqqif ta’ Fondazzjoni tal-Akkomodazzjoni Affordabbli mmexxija mill-Gvern u l-Arċidjoċesi ta’ Malta.
Huwa għamel dan f’konferenza tal-aħbarijiet miċ-Ċentru Esplora fil-Kalkara hekk kif spjega li din il-Fondazzjoni se jkollha l-fakultà li tieħu inizjattivi ta’ restawr u żvilupp biex permezz tagħhom toffri provvista permanenti ta’ akkomodazzjoni ta’ kwalità b’rati aktar affordabbli.
B’hekk xogħol il-Fondazzjoni jkompli jikkumplimenta skemi u riformi eżistenti mill-Gvern fil-qasam tal-Akkomodazzjoni Soċjali biex kulħadd ikollu dritt għal saqaf fuq rasu irrispettivament minn fejn ġej.
“Dar komda fejn wieħed jgħix huwa wieħed mid-drittijiet bażiċi li jagħmilna umani,” qal il-Prim Ministru hekk kif irrimarka li 82% tal-Maltin huma sidien ta’ darhom b’differenza għall-medja Ewropea, li hija inqas minn 70%.
B’kollox Dr Abela spjega li f’dan il-qasam ġew investiti €110 miljun biex 1,700 familja jkollhom saqaf fuq rashom u kkontribwixxew biex illum in-numru ta’ persuni fuq il-lista ta’ stennija għal akkomodazzjoni soċjali, naqas bin-nofs.
Minn naħa tiegħu, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes spjega kif din il-Fondazzjoni tkompli tenfasizza l-importanza tad-dar fis-soċjetà.
Fil-fatt spjega kif din il-Fondazzjoni se tkun qed tara li toħloq provvista ġdida ta’ housing permezz ta’ diversi forom u tipparteċipa fis-suq billi toffri soluzzjonijiet aktar affordabbli għal firxa aktar wiesgħa ta’ nies partikolarment dawk bi dħul medju.
Din il-Fondazzjoni se tkun qed titmexxa mill-Kunsill tal-Amministraturi li jikkonsisti minn tliet membri f’isem il-Gvern u tliet membri f’isem l-Arċidjoċesi ta’ Malta.
Il-Presidenza ta’ dan il-Kunsill se tkun qed talterna kull sentejn.
B’hekk il-fergħa eżekuttiva fi ħdan il-Fondazzjoni se jkollha l-għan li timplimenta d-direzzjoni tal-fundaturi rappreżentanti mill-Kunsill tal-Amministraturi.
Il-Ministru Galdes spjega li ż-żewġ fundaturi lesti li jpoġġu assi fosthom artijiet u binjiet eżistenti għal proġetti intiżi għal għanijiet residenzjali b’kirjiet inqas minn tas-suq.
Fil-fatt, il-Ministru Galdes spjega li l-iffirmar ta’ dan l-att illum se jara li skont kif imħabbar fil-Budget għal din is-sena, il-Gvern jalloka €300,000 fis-sena lill-Fondazzjoni għal perjodu ta’ 25 sena.
Dan filwaqt li l-Arċidjocesi tgħaddi il-Kunvent ta’ Saint Joan of Arc f’Ħal Kirkop b’ċens temporanju ta’ 25 sena.
B’hekk ikun jista’ jibda l-ewwel proġett ta’ akkomodazzjoni affordabbli tal-Fondazzjoni.
Indirizza wkoll il-konferenza tal-aħbarijiet l-Arċisqof ta’ Malta.
Monsinjur Charles Scicluna saħaq li l-Knisja tibqa’ impenjata tikkollabora mal-Istat biex tgħin għal housing affordabbli.
Dawk li se jgawdu mill-ħidma ta din il-Fondazzjoni huma dawk li għandhom dħul li ma jagħmilomx eliġibbli għall-akkomodazzjoni soċjali filwaqt li xorta ma jistax ikollhom dar adegwata mingħajr assistenza.
Il-persuni li jgawdu mill-għajnuna tal-Fondazzjoni mhux se jkunu qed jiddependu minn sussidji oħra tal-Gvern.