Fi tmiem is-summit tal-Kunsill Ewropew fi Brussell, il-Prim Ministru Malti Robert Abela sostna li hu kuntent li l-qbil bejn il-mexxejja ntlaħaq f’qasir żmien.
Dr Abela tenna mal-midja li issa l-Unjoni Ewropea tista’ tindirizza l-prijoritajiet taċ-ċittadini, anke bil-messaġġi li ntbagħtu fl-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, li saru aktar kmieni dan ix-xahar.
“Kuntent għax ifisser li nistgħu nitilqu mill-ewwel għal għonq it-triq biex nindirizzaw il-prijoritajiet tan-nies, jiġifieri dawk il-prijoritajiet ta’ aktar kmieni dan ix-xahar. Hemmhekk issa li rridu nindirizzaw, prijoritajiet soċjali, prijoritajiet fuq il-qasam tal-enerġija, ta’ kif se jkompli jaħdem is-suq waħdieni. Ngħid Ewropa li se tibqa’ waħda viċin in-nies, fejn in-nies ikunu fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet politiċi kollha li jittieħdu u nemmen li għandna ċiklu istituzzjonali ta’ ħames snin, li se jkun sabiħ ferm, hemm l-isfidi naturalment, imma nemmen li kapaċi naffrontawhom flimkien.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru sostna li Malta kienet ċara dwar il-pożizzjoni tagħha u l-ftehim mal-Ukrajna, li sar mill-President tal-Kummissjoni Ewropea u l-President tal-Kunsill Ewropew, jissalvagwadja l-prinċipji ta’ pajjiżna, dawk tan-newtralità u n-non-allineament.
Dan filwaqt li tenna li Malta kompliet tgħaddi l-messaġġ ta’ paċi, kemm fl-Ukrajna u kif ukoll fil-Lvant Nofsani.
Il-kompetittività kienet tema oħra importanti fid-diskussjoni, b’Malta tkompli timbotta l-importanza ta’ ħidma favur l-ibbenefikar tal-potenzjal sħiħ tas-suq waħdieni. Hawn il-Prim Ministru saħaq dwar il-ħtieġa tal-implimentazzjoni mingħajr aktar dewmien ta’ qafas legali li jħares għal aċċess ġust ta’ prodotti kruċjali, bħall-mediċini.
Dwar it-tema tal-kompetittività, Dr Abela spjega li anke l-prijoritajiet tal-aġenda strateġika tal-Unjoni Ewropea għall-ħames snin li ġejjin jitkellmu dwar il-kompetittività u dan fi sfond tal-qalbiet ambjentali u diġitali. F’dan il-kuntest, il-Prim Ministru fisser in-negozji żgħar u medji bħala l-katalisti ewlenin li jridu jibqgħu jiġu inċentivati favur il-kompetittività tal-istati membri.
Ara wkoll: