Il-Kabinett se jkun magħmul minn żewġ persuni oħra.
Qal dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt li kien qiegħed iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-midja wara l-ġurament tal-ħatra tal-Kabinett.
Dr Abela qal kif dawn iż-żewġ persuni se jkunu qed jieħdu kariga fil-Kabinett wara li jsiru l-elezzjonijiet każwali u anki wara li jkun tħaddem il-mekkaniżmu għar-rappreżentanza aktar ugwali fil-Parlament.
“Nistenna l-proċess tal-casual elections, u l-by-elections li jingħalaq, u l-mekkaniżimu l-ġdid li skatta fis-seħħ f’din l-elezzjoni, u se nkun qed nagħmel żewġ kandidati ġodda fi ħdan il-Kabinett.”
Robert Abela – Prim Ministru
F’kummenti lill-ġurnalisti dwar il-Kabinett tal-Ministri, il-Prim Ministru Robert Abela qal kif huwa għażel bejn dawk b’esperjenza u anki dawk b’demm ġdid.
Dr Abela qal kif il-grupp parlamentari Laburista huwa mogħni b’taħlita ta’ nies li għandhom talent.
Il-Prim Ministru saħaq fuq l-importanza tat-tiġdid anki minkejja li l-Partit Laburista ngħata l-akbar mandat mill-Indipendenza ’l hawn.
“It-tiġdid irid ikompli. Il-fatt li n-nies tawna mandat b’saħħtu, l-akbar mandat b’saħħtu, ifisser li tawna messaġġ ukoll li ma nistgħux nieqfu fit-tiġdid li rridu nagħmlu fi ħdan il-Partit Laburista, ukoll anki fl-istrutturi tal-Gvern u hekk beħsiebna nagħmlu.”
Robert Abela – Prim Ministru
Dr Abela hawnhekk semma kif fl-elezzjoni tas-Sibt li għadda n-nies bagħtu messaġġ u qal kif dak ma jistax jiġi njorat. Dan b’referenza għal dawk li ma ħarġux jivvutaw.
Meta mistoqsi dwar l-ewwel prijoritajiet ta’ Gvern ġdid, il-Prim Ministru semma r-riforma fil-liġi tal-IVF biex aktar nies ikunu jistgħu jsiru ġenituri.
Dr Abela saħaq kif il-prijorità ta’ dan il-Kabinett tal-Ministri huwa li jwettaq l-elf proposta li wiegħed quddiem il-poplu Malti u Għawdxi.
“Hemm ħafna xogħol xi jsir. Il-prijoritajiet diġà ġew identifikati fil-kampanja, fosthom ir-riforma dwar il-liġi tal-IVF illi ma tistax tistenna għaliex hemm ħafna nies, ħafna koppji li jixtiequ jsiru ġenituri u s’issa bil-qasam leġiżlattiv preżenti għadhom ma jistgħux isiru. Allura dak huwa fost l-ewwel commitments sabiex nimplimentaw, imma naturalment hemm ħafna, ħafna riformi xi jsiru.”
Robert Abela – Prim Ministru