“It-twettiq ta’ tant proposti mhux possibbli mingħajr il-ħaddiema tas-servizz pubbliku.”
Kien b’dan il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru Robert Abela fl-indirizz tiegħu ġewwa t-tinda tal-MFCC f’Ta’ Qali waqt konferenza li tagħlaq il-ġimgħa tas-Servizz Pubbliku bit-tema ‘Ninvestu fil-kwalità.’
Dr Abela tenna kif issa li l-poplu għażel Gvern Laburista ġdid għall-leġiżlatura li jmiss, huwa l-obbligu tal-istess Gvern li jimplimenta dak li wiegħed tul il-kampanja elettorali. B’hekk Dr Abela tenna l-importanza tas-servizz pubbliku u l-effiċċjenza li għandu jkollu biex dak li ġie mwiegħed jitwettaq.
Il-Prim Ministru Robert Abela tenna li fl-2013 dan il-Gvern wiret servizz pubbliku ferm differenti minn dak li għandna llum u kien b’hekk li sar investiment bla preċedenti biex dan jinqaleb ta’ taħt fuq.
Il-Prim Ministru tenna li huwa sodisfatt ukoll li għall-fatt li pajjiżna serva ta’ mudell għal pajjiżi oħra ta’ kif jista’ jiġġedded u jittejjeb is-servizz pubbliku. Hawn Dr Abela għamel aċċenn ukoll għal mod ta’ kif it-tmexxija u l-ħaddiema tas-servizz pubbliku dejjem iħarsu ’l quddiem biex ibiddlu u jġeddu għall-aħjar.
Dr Abela tenna kif din l-istess attitudni l-Gvern innifsu qed jimplimentaha f’ħidmietu biex jibqa’ jtejjeb lilu nnifsu, anke permezz ta’ investiment kontinwu bilgħaqal.
Filwaqt li l-Prim Ministru temm jgħid li fadal ħafna x’isir huwa rringrazzja wkoll lis-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar li ħabbar li issa se jkun qed jirriżenja mill-kariga wara tant snin ta’ ħidma fis-servizz pubbliku. Tenna li fih dejjem sab persuna leali u li ta l-aħjar ideat u opinjonijiet mingħajr kantunieri sabiex is-servizz pubbliku dejjem jibqa’ javvanza ’il quddiem.