It-tilqim kontra l-Covid-19 kien importanti biex pajjiżna qed jimxi ’l quddiem f’pandemija.
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru Robert Abela waqt l-attività ‘Milied Flimkien’ fi Pjazza Kastilja, fejn fiha l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż għaddew il-messaġġi tagħhom.
Il-Prim Ministru għamel appell biex kull min jista’ jieħu d-doża tal-booster u qal li l-ġimgħa d-dieħa, hu flimkien ma’ martu Lydia se jieħdu din it-tielet doża.
Semma wkoll kif bintu Giorgia Mae se tkun qed tingħaqad magħhom biex tieħu l-ewwel doża tal-vaċċin.
Dr Abela appella sabiex kull wieħed u waħda minnha jiftakar f’dawk li jgħixu fis-solitudni waqt iż-żminijiet ta’ festi.
Il-Prim Ministru għamel appella lill-poplu Malti sabiex kull min jista’, jieħu sehem fl-inizjattiva ‘Rigal b’Imħabba’ u l-għada tal-Milied f’edizzjoni oħra tal-Istrina.
Dr Abela qal kif il-poplu Malti għandu l-valuri tas-solidarjetà.
Anki l-President ta’ Malta George Vella appella wkoll biex kull min jista’ jieħu l-vaċċin tal-Covid-19.
Dr Vella għamel appell għar-responsabiltà sabiex is-sitwazzjoni tal-pandemija li għadha magħna tibqa’ stabbli.
Il-President saħaq ukoll fuq l-għaqda nazzjonali u biex flimkien negħlbu l-isfidi.
L-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia qal kif il-poplu Malti għandu jibqa’ determinat u magħqud fil-ġlieda kontra l-pandemija.
Dr Farrugia qal kif matul din is-sena l-Parlament Malti kien fost l-iżjed effiċjenti fl-Ewropa.
Tkellem ukoll fuq il-kliem ta’ mibgħeda, speċjalment fuq il-midja soċjali u qal li din hi pjaga li għandha tiġi iżjed indirizzata.
Miegħu ngħaqad l-Arċisqof ta’ Malta, Monsinjur Charles Scicluna, li wkoll appella biex nuru rispett lejn xulxin fuq il-midja soċjali.
Tkellem ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech li wkoll tkellem fuq il-ħtieġa tas-solidarjetà.