Il-prijorità ta’ dan il-budget hu li jkun realistiku u li jkun budget min-nies għan-nies.
Hekk qal il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela f’kollegament fuq ONE Radio lejlet il-Budget li se jressaq il-Gvern għas-sena d-dieħla, fejn fost oħrajn spjega li saret ħidma sfieqa biex tfassal il-budget, fosthom b’laqgħat fit-tul ma’ msieħba soċjali.
Qal li dan se jkun budget ta’ Gvern magħqud li jrid ikompli jfassal il-politika li tibqa’ ttejjeb ħajjet in-nies: “Dik li għandek l-iprem għodda li tagħmel differenza fil-kwalità tal-ħajja tal-anzjani, żgħażagħ u l-pensjonanti u l-għanijiet iridu jkunu l-ġid li trid toħloq għall-ġenerazzjoni tal-lum u għada. Id-diskussjoni trid tiffoka fuq l-ideat u l-futur. Imma tista’ tagħmel hekk jekk ikollok l-għaqda u l-armonija fit-tim.”
Hawn irrefera kif il-poplu ma jistax jieħu riskju u jafda lil min lanqas it-tim tiegħu mhu qed jgħaqqad, b’referenza għas-sitwazzjoni li bħalissa tinsab fiha l-Oppożizzjoni Nazzjonalista.
Hawn Dr Robert Abela qal li l-Gvern irid pajjiż b’saħħtu f’kull sens u fakkar kif fil-kriżi finanzjarja tal-2008, il-finanzi pubbliċi ħadu daqqa: “Pajjiż b’saħħtu mil-lat ekonomiku, soċjali u ambjentali. Nafu li f’Marzu tal-2020 meta faqqgħet il-pandemija kellna tbassir li ħasadna, kemm mil-lat ta’ saħħa u ekonomiku. Tkellimt fuqha kemm-il darba u ma naħsibx li għandi għax nirreptiha llum, imma meta tara l-mod kif wqqafna l-agħar milli jsir imma naqqasna l-faqar u l-esklużjoni f’din is-sena. Għalhekk il-politika progressiva tal-Gvern mhux biss tagħmel sens imma hi bbażata fuq il-bżonnijiet tan-nies.”
Dr Abela qal li l-Gvern hu konxju tal-fatt li hawn min għadu lura, u dawn huma wkoll persuni li jridu jiġu mgħejjuna.
Dwar il-qagħda tal-anzjani u l-pensjonanti, nnota li dan il-Gvern tahom lura d-dinjità fosthom bit-tneħħija tat-taxxa minn fuq il-pensjoni.
Hawn semma wkoll il-qasam tal-akkomodazzjoni, li l-lista ta’ stennija għaliha baqgħet tonqos anke waqt pandemija. Fil-fatt anke r-rata ta’ persuni li huma sidien ta’ djarhom baqgħet tiżdied.
Il-Prim Ministru qal li l-pjan tal-Gvern irid li jnaqqas id-distakk bejn il-persuni li jimxu ’l quddiem b’miżuri studjati apposta għal dan l-għan. Biex dawk ikunu sostnuti iżda jrid li jkun hawn ekonomija tajba.
Il-Prim Ministru żied jgħid li l-għan tal-politika tal-Gvern hi riflessa wkoll fil-politika dwar is-suq tax-xogħol billi l-ħaddiem ikollu aktar ħiliet u opportunitajiet fis-suq tax-xogħol.
Huwa sostna: “Oġġettiv wieħed. Biex inżidu l-opportunitajiet ta’ xogħol għal kulħadd. U dak l-eluf li qabel kienu dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali mhux biss issa jfendu għal rashom imma huma stess joħolqu l-ġid. Fl-aħħar mill-aħħar dan hu t-twemmin progressiv tagħna li nifmhu prijoritajiet ġodda u l-ħtiġijiet li għandna llum bħala soċjetà.”
Aqra wkoll: