Fil-ġimgħa li għalqet il-konsultazzjoni fuq ir-riforma tal-liġi li tirregola l-użu responsabbli tal-kannabis għal skop rikreattiv, il-Prim Ministru Robert Abela qal li tressqu numru ta’ proposti minn bosta entitajiet u għaqdiet li issa se jiġu mgħarrbla.
Il-Prim Ministru stqarr, “Issa l-proċess beda biex ġew analizzati u miġburin flimkien. Il-prinċipji li joħorġu minn dawk it-350 sottomissjoni li saru, jiġu magħsurin il-prinċipji ġenerali, minn hemmhekk imbagħad ngħaddu għall-abbozz illi fih ikun jiġbor il-prinċipji li ġew imnedija fil-White Paper u kemm jista’ jkun jiġbor dawk il-prinċipji ġodda li waslulna.”
Fuq ONE Radio, il-Prim Ministru tenna kif għal snin twal Gvernijiet Nazzjonalisti tefgħu dan is-suġġett taħt it-tapit.
Innota l-proposti kuraġġużi li ressaq il-Partit Laburista u Oppożizzjoni li baqgħet assenti fil-proċess ta’ konsultazzjoni ta’ riforma daqstant importanti.
Dr Abela sostna, “Irrid li l-Partit Laburista jibqa’ jkun dak il-partit riformista u katalista tal-bidliet f’dan il-pajjiż u għalhekk sabiħ il-proċess demokratiku għaliex bħala partit hemmek għamel is-sottomissjoni tiegħu u wera kemm huwa partit ħaj li ta kontrubut fir-riformi, se jkunu kkunsidrati dawn il-kontribuzzjonijiet flimkien mal-bqija tat-350 sabiex imbagħad nagħsruhom. Ta’ xi ħadd biss ma nistgħux nagħsru dak tal-Partit Nazzjonalista.”
Il-Prim Ministru qal li r-riforma fil-liġi tal-kannabis hija msejsa fuq bosta prinċipji, fosthom dak li min jinqabad b’joint m’għandux jiġi trattat ta’ kriminal u li nerġgħu nagħtu opportunità mill-ġdid lil dawk li għandhom fedina penali rovinata minħabba dan u li bħalissa ma jistgħux javvanzaw f’ħajjithom.
Mistoqsi fuq qasam totalement differenti, dak tal-produzzjoni tal-kannabis mediċinali, il-Prim Minsitru Robert Abela innota l-għoti ta’ liċenzja lil kumpanija Kanadiża li ssieħbet ma’ negozjanti Maltin.
Hawnhekk semma kif minn dan l-investiment, se jgawdu wkoll il-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Il-Prim Ministru saħaq, “Qed inħarsu wkoll ’il quddiem issa li jkollna l-liċenzjar ta’ iżjed kumpaniji li jaħdmu f’dan is-settur kemm investiment barrani kif ukoll investiment lokali. Fiex jissarraf dan l-investiment? F’ħolqien ta’ iżjed xogħol ta’ kwalità, jissarraf f’xogħlijiet b’pagi tajbin u opportunitajiet għal riċerkaturi professjonisti mediċi u spiżjara Malti. Dak huwa l-ħolqien tal-ġid.”
Dr Robert Abela rrimarka li b’dan, il-Gvern qed iħares lejn niċċa ekonomika oħra f’pajjiżna u li se jkompli jimraħ biex jattira kumpaniji ta’ dan it-tip.