Ir-riforma dwar il-liċenzjar tal-bennejja, li tinsab għall-konsultazzjoni pubblika, se ġġib serjetà u dixxiplina.
Dan intqal mill-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela, waqt intervista fuq ONE Radio.
Il-Prim Ministru qal li din ir-riforma tmur pari passu mar-riforma fil-liġi tal-kuntratturi, li għall-ewwel darba tiffissa l-obbligu ta liċenzja tal-kuntratturi flimkien ma’ numri ta’ obbligi li ma kienux jeżistu qabel.
Qal, “Ħaddiem Malti llum, ta’ talent jew li għandu l-liċenzja tal-bennejja, li jimxi skont l-arti u s-sengħa, dan il-qafas ta’ liċenzji nemmen li għandu jieħu pjaċir bih. Tgħidli għaliex jieħu pjaċir bih għax jifred id-dilettant ma’ min hu serju. U dilettant infisser b’dawk li għalihom ir-regolamenti ma’ jfissru xejn, li għalihom l-importanti li jaħdmu, irrespettivament minn kif jaħdmu mis-sogru li jagħmlu lil ħaddieħor, l-importanti li qalgħu l-profitt li riedu jagħmlu u dik hija xi ħaġa. Dik hija xi ħaġa li ma rridux. Aħna rridu industrija li tagħmel il-profitt diċenti tagħha, b’mod onest, imma li mbagħad ukoll li tirrispetta l-ħtiġijiet tat-terzi.”
Dr Abela sostna fuq l-għan ewlieni ta’ din ir-riformi.
Stqarr, “L-għan ewlieni jibqa’ ż-żamma tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, is-saħħa tal-ħaddiema, ta’ dawk kollha ta’ dawk li qed jaħdmu u jimplimentaw fuq dan il-proġett u l-ġirien. Il-kwistjoni tal-ġirien, jiġifieri health and safety tal-ħaddiema u l-protezzjoni tal-ġirien u t-tnaqqis tal-inkonvenjent.”
F’din l-intervista, il-Prim Ministru qal li b’dawn ir-riformi fis-settur tal-kostruzzjoni il-Gvern se jkun qed jimbotta favur il-kwalità iktar milli l-kwantità.
Qal, “Li jkollna inqas pressjoni infrastrutturali, imma b’mod ġenerali fuq il-pajjiż, pagi u kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar, fosthom il-kundizzjonijiet tax-xogħol li jitkellmu aktar dwar is-saħħa u s-sigurtà, u l-ħiliet u opportunitajiet aqwa għal kulħadd.”