Malta se tkompli tinsisti u taħdem favur it-tisħiħ u l-investiment f’enerġija nadifa li tgħaqqad mhux biss lill-pajjiżi Ewropej, iżda anki lil pajjiżi fil-Mediterran, fosthom fl-Afrika ta’ Fuq.
Dan kien il-messaġġ li għadda l-Prim Ministru, Robert Abela, waqt it-tieni Summit tal-Komunità Politika Ewropea li sar ftit ’il barra mill-kapitali tal-Moldova, Chișinău.
Il-Komunità Politika Ewropea twaqqfet is-sena l-oħra bl-inizjattiva tal-President Franċiż Emmanuel Macron, wara l-invażjoni Russa tal-Ukrajna. L-għan ta’ din il-komunità huwa li tiddiskuti l-isfidi u l-futur tal-Ewropa, mhux biss bejn il-pajjiżi msieħba fl-Unjoni Ewropea, iżda bejn il-pajjiżi kollha li jinsabu kontinent Ewropew.
Infatti, għal dan is-Summit fil-Moldova attendew aktar minn erbgħin mexxej Ewropew. Tul il-ġurnata tal-Ħamis, il-Prim Ministru kellu laqgħa ma’ għadd ta’ mexxejja oħrajn dwar l-enerġija u l-konnettività.
Dr Abela sostna li r-reġjun tal-Mediterran jista’ jkun kruċjali għall-Ewropa, kif ġie diskuss fil-Med9 li sar f’pajjiżna x-xahar li għadda.
“Hemmhekk tkellimt u ressaqt ’il quddiem il-kunċett illi qbilna dwaru, ftit tal-jiem ilu, proprju f’pajjiżna, bejn disa’ Ministri tal-Enerġija Ewropej, fejn qed naraw, aħna, l-Mediterran bħala hub tal-enerġija rinnovabbli. Hemmhekk, f’pajjiżna kellna l-opportunità illi wasalna għall-ftehim bil-miktub fejn qed nimbuttaw dan il-kunċett. Imma llum mort, forsi, biċċa aktar minn hekk: tkellimt dwar l-Afrika ta’ Fuq, kif tipprovdi opportunità unika illi tkun sors ta’ enerġija rinnovabbli għall-Ewropa.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
F’kumment mal-ġurnalisti wara dan is-Summit, il-Prim Ministru ta eżempju ta’ kif dan l-eżempju jista’ jitħaddem.
“Insemmi l-Libja, biex nagħti eżempju wieħed: għandhom l-art, għandhom ir-riħ, għandhom ix-xemx u hemm il-prossimità ġeografika, fost oħrajn lejn pajjiżna, u nistaqsi għaliex m’għandniex nesploraw il-Libja jew pajjiżi oħrajn tal-Afrika ta’ Fuq, li jista’ fihom issir installazzjoni ta’ panelli solari, installazzjoni ta’ wind farms, imbagħad postijiet bħal pajjiżna jkunu jservu bħala post li minnu l-enerġija tkun tista’ tiġi trasportata lejn il-grid Ewropew.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Fil-qasam tal-konnettività, il-Prim Ministru tkellem dwar l-importanza ta’ dan is-settur għal pajjiżna.
“Tkellimt dwar l-importanza li s-settur marittimu jkun fuelled minn sorsi nodfa tal-enerġija, lil hinn minn dawk tradizzjonali ta’ heavy-fuel oil u fossil fuels oħrajn, li huma l-qalba għas-settur marittimu biex jaħdem bl-LNG u fjuwils li huma aktar nodfa.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru żied jgħid li għandu jsir sforz qawwi biex negħlbu iżjed ostakli u burokraziji fil-portijiet biex nassiguraw li l-kontinent Ewropew jibqa’ jkollu industrija marittima b’saħħitha u effikaċi li ma tħallihx jiddependi fuq ħaddieħor.
Tul dan is-Summit fil-Moldova, il-Prim Ministru Malti kellu laqgħat ma’ bosta mexxejja Ewropej, fosthom mal-Prim Ministru tal-Moldova u mal-President tal-Kosovo. Huma tkellmu fuq bosta temi, fosthom dwar l-aspirazzjonijiet taż-żewġ pajjiżi li jsiru huma wkoll membri fl-Unjoni Ewropea.