Fit-taħdidiet mal-Unjin tal-Għalliema, l-MUT, il-Gvern qed jipproponi pakkett ferm aktar b’saħħtu minn dak li kien hemm ħames snin ilu, fl-aħħar ftehim kollettiv maqbul.
Dan intqal mill-Prim Ministru Robert Abela, fil-kuntest tal-azzjonijiet industrijali mill-edukaturi, bi strajk ta’ ġurnata fil-jum tat-Tnejn.
Qal, “Li hija ferm u ferm aktar b’saħħitha miż-żidiet li konna tajna ħames snin ilu fir-reviżjoni tal-aħħar ftehim kollettiv.”
F’diskors fil-Marsa, il-Prim Ministru wassal messaġġ favur in-negozjati għall-ġid tal-ħaddiema.
Stqarr, “Wasalna mal-infermiera, wasalna mal-ECG Technicians, wasalna mal-Korp tal-Pulizija, wasalna mal-qwiebel. Hekk ukoll li rridu naslu mal-edukaturi tagħna, li ntuwhom żidiet li huma sostanzjalment b’saħħithom u li jtejbu l-kundizzjonijiet tagħhom.”
Hawnhekk semma kif din il-ġimgħa kważi ħamest elef persuna tħallsu ftit aktar minn tmiem miljun ewro, bħala parti minn pagamenti dovuti minħabba inġustizzji li sofrew fil-passat.
Fl-aħħar seba’ snin tħallsu ħamsa u tmenin miljun ewro għal dan.
Dr Abela tkellem ukoll dwar kif il-Gvern mhux talli jżomm mal-ftehim li jiffirma imma jmur oltre.
Qal, “Morna fid-direzzjoni kompletament il-kontra, kemm għas-sena li għaddiet u din is-sena, u lqajna t-talba li ressqulna l-Unjins u ż-żieda li hemm maħsuba fil-COLA għall-ħaddiema l-oħra kollha, hija l-istess żieda li se jkunu qed igawdu minnha l-ħaddiema tas-settur pubbliku.”