Il-gżira Għawdxija se tkun il-mudell ewlieni tal-bidliet kruċjali li jridu jsiru f’pajjiżna fis-snin li ġejjin.
Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela f’indirizz li għamel f’business breakfast l-Erbgħa filgħodu bit-tema ‘Mudell Sostenibbli għal Għawdex’, fejn saħaq li se jaħdem biex f’Għawdex ikun hemm aktar prosperità.
Il-Prim Ministru saħaq li l-mira tal-Gvern Malti għandha tkun li l-ġid nazzjonali ras għal ras f’Għawdex jilħaq lil dak ta’ Malta.
Qal kif, “Għawdex se jkun il-mudell tal-prosperità l-ġdida li se nibnu fis-snin li ġejjin. Il-mira tiegħi hi li Għawdex ikun il-katalista tal-bidliet kbar li hemm bżonn iseħħu f’pajjiżna. Biex neqirdu d-distakk ekonomiku bejn il-gżejjer, Għawdex irid ikun iċ-ċentru ta’ innovazzjoni bidla f’pajjiżna.”
Dwar l-edukazzjoni, il-Prim Ministru tenna li Għawdex għandu l-potenzjal li jkun katalista u ċentru ta’ eċċellenza f’dan il-qasam.
Spjega, “Fl-ekonomija l-ġdida l-ħiliet u l-kreattività huma kollox. Għawdex huwa l-aqwa post minn fejn intellqu din l-istrateġija ta’ upskilling. Wieħed minn kull għaxar ċittadini Maltin li bħalissa qed jieħu edukazzjoni terzjarja huwa Għawdxi -id-doppju tal-persenteaġġ tal-poplazzjoni f’pajjiżna li hu residenti f’Għawdex.”
Il-Prim Ministru semma kif l-ekonomija Għawdxija hija reżiljenti, tant li disgħin fil-mija tal-Għawdxin li tilfu xogħolhom waqt il-pandemija, reġgħu bdew jaħdmu.
Sostna, “Meta l-pandemija laqtitna, l-ekonomija Għawdxija setgħet tkun aktar reżiljenti u għalhekk Għawdex qed jirkupra malajr f’Malta, bin-numri jirreġistraw issa qiegħed bħal qabel bdiet il-pandemija.”
Il-Prim Ministru elenka l-investimenti li qed isiru biex itejbu l-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer, fosthom il-link permanenti bil-mina u l-fast ferry.
Fuq l-oqsma tal-biedja u s-sajd, Dr Abela qal li għandhom irwol importanti biex Għawdex ikun il-mudell ta’ Malta lejn ekonomija aktar nadifa b’inqas emmissjonijiet.
Tkellem dwar il-bżonn li l-qasam modern u teknoloġiku jitwaħħad ma’ dak tradizzjonali biex flimkien iwasslu għar-rivoluzzjoni li pajjiżna jrid jagħmel fis-snin li ġejjin.
Qal, “Irridu li Għawdex jibqa’ d-djamant f’nofs il-Mediterran. Post dinamiku li jibqa’ sors ta’ serħan għar-residenti tiegħu u dawk kollha li jżuruh. Irridu Għawdex li jkun pijunier fl-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji nodfa u innovazzjoni. Għawdex fejn ikun hemm progress qawwi imma jżomm l-estetika bħala prijorità.”
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri semma kif il-pjan hu li l-ekonomija ta’ din il-gżira ma tkunx dipendenti fuq Malta.
Qal kif, “F’dawn l-aħħar snin ma bqajniex inħarsu lejn Għawdex bħala l-gżira parti minn Malta, iżda bejna nħarsu lejn Għawdex bħala post li joffri potenzjal kbir mhux biss biex itejjeb il-ħajja tal-Għawdxin iżda dawk kollha li jgħixu f’din il-gżira u jkun mutur ekonomiku li jikontribwixxi b’mod importanti lejn l-iżvilupp tal-pajjiż sħiħ.”
Indirizzaw ukoll lil dawk preżenti l-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana u l-Ministru għall-Agrikoltura u s-Sajd Anton Refalo.