Diversi rapporti fil-midja Ewropea qed jikkwotaw lill-Prim Ministru Joseph Muscat li f’intervista lil BBC Radio 4 qal lil-mexxejja Ewropej huma kważi unanimi dwar it-tieni vot dwar Brexit.
“Aħna rridu li jiġri dak li hu kważi impossibbli, li r-Renju Unit ikollu referendum ieħor”, qal il-Prim Ministru Muscat ftit tal-ħin ilu. Il-mexxejja Ewropej issa qed jgħidu li r-Renju Unit għadu fiċ-ċans li jerġa’ jersaq quddiem il-poplu Brittaniku u jħallih jiddeċiedi għal darb’oħra.Dan kollu qed jingħad sitt xhur biss qabel ma suppost id-deċiżjoni Brexit tiġi fis-seħħ, iżda għad m’hemmx pjan ċar dwar kif dan se jsir.
Bħalissa waqt is-summmit f’Salżburgu, qed ikun diskuss il-ftehim Chequers li fassal il-Gvern Ingliż u li ma niżel xejn tajjeb mal-poplu Brittaniku.
Riċenti, il-Prim Minsitru Ingliż Theresa May ħarġet tgħid li jew isir kif tgħid hi dwar Brexit, jew ma jsir xejn. Sal-bieraħ stess, Ministru mill-kabinett tagħha ħareġ jgħid li jekk l-Unjoni Ewropea ma taċċettax il-pjan ta’ May, hemm riskju kbir ta’ referendum ieħor fir-Renju Unit dwar Brexit.
L-ewwel sessjoni tas-summit kien ilbieraħ filgħaxija mal-wassla tal-mexxejja Ewropej fil-belt Awstrijaka, fejn il-mexxejja ddiskutew l-aġenda tagħhom tal-lum, iktar tard illum waranofsinhar għall-ħabta tat-tlieta, il-Kummissjoni Ewropea se tmexxi konferenza tal-aħbarijiet dwar l-andament ta’ dan is-summit.