“Aħjar minnek il-mexxejja Ewropej għaliex iċċelebraw magħna.”
Din kienet ir-reazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela għall-mistoqsijiet mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech dwar stqarrija ministerjali li għamel l-Erbgħa filgħaxija l-Prim Ministru nnifsu, b’rabta mal-aħħar summit tal-Kunsill Ewropew li pparteċipa fih.
Waqt il-mistoqsijiet li għamel, Bernard Grech b’mod konvenjenti naqas milli jirrikonoxxi ċ-ċelebrazzjoni mill-mexxejja Ewropej għall-fatt li Malta kienet l-ewwel pajjiż Ewropew li laħaq l-immunità għall-virus tal-Covid-19.
B’reazzjoni għal dan il-Prim Ministru Robert Abela wieġbu hekk: “Semma diversi punti l-Kap tal-Oppożizzjoni imma ma jsemmi xejn ta’ tifħir fuq il-pjan ta’ vaċċinazzjoni f’pajjiżna, fuq kif mexa l-pjan ta’ tilqim. Aħjar minnu l-Mexxejja Ewropej għaliex iċċelebraw magħna. Mela jien mort f’Kunsill Ewropew u kulħadd jiċċelebra s-suċċess ta’ pajjiżna u hu ma qal xejn fuq il-vaċċin.”
Jekk xejn, ftit tal-jiem ilu Bernard Grech innifsu għamilha ċara li dwar il-fatt li Malta laħqet dan it-tragward tant importanti, ftit jimpurtah.
Grech stqarr: “Mhux li tilħaqha l-ewwel qisna qed nagħmlu xi tellieqa!”
Fost iktar mistoqsjiet minn naħa tal-Oppożizzjoni, id-Deputat Joe Ellis ried isir jaf kemm se tkun qed tagħti dożi tal-vaċċin Malta għal pajjiżi terzi li m’għandhomx aċċess għall-vaċċin.
Din kienet it-tweġiba tal-Prim Ministru: “Ejja ma nikkommettux dwar numri li għandu jagħti kull pajjiż lil barra l-Unjoni Ewropea. Mela jien naf Sur President jekk hux se jkollna bżonn nagħtu t-tielet doża fix-xhur li ġejjin. Issa kellna l-iżvilupp li tfal minn 12-il sena ’l fuq jistgħu jibdew jitlaqqmu u ma rridx inkun egoist u mhux se nkun egoist imma rrid nara wkoll Sur President li l-ewwel jitlaqqmu t-tfal tagħna u li jkollna biżżejjed għat-tielet doża.”
Waqt l-istqarrija ministerjali tiegħu l-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar diversi suġġetti li ġew trattati waqt is-Summit tal-Kunsill Ewropew, fosthom il-pandemija, it-tibdil fil-klima, l-iżviluppi fil-Belarus u l-Mali, ir-Renju Unit u s-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani.
Dr Abela sostna li l-maġġoranza tad-diskussjoni kienet dwar il-pandemija hekk kif spjega li l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen spjegat l-aħħar żviluppi dwar ix-xiri tal-vaċċin mill-Kummissjoni Ewropea u l-produzzjoni tiegħu.
Tenna li l-mexxejja qablu li għandu jibqa’ jiġi sostnut ir-ritmu ta’ vaċċinazzjoni madwar l-Ewropa filwaqt li sostnew il-bżonn li l-istati membri jibqgħu viġilanti u jibqgħu attenti għal varjanti ġodda.
Dwar iċ-ċertifikat tal-vaċċin, il-Prim Ministru tenna li l-Kunsill laqa’ l-ftehim li ntlaħaq bejn il-koleġiżlaturi tal-Unjoni Ewropea.
Dr Abela sostna: “Bħala mexxejja qbilna li l-pass li jmiss biex niffaċilitaw il-moviment liberu fl-Unjoni Ewropea huwa li sa nofs Ġunju ssir reviżjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-ivvjaġġar fl-Unjoni Ewropea.”
Dwar is-suġġett tat-tibdil fil-klima, il-Prim Ministru sostna li tkellem dwar iċ-ċirkostanzi ta’ stati membri li huma gżejjer bħal fil-każ ta’ Malta.
Il-Prim Ministru tenna wkoll li ġie milqugħa b’sodisfazzjon it-tiġdid tal-impenn tal-Istati Uniti fuq il-ftehim ta’ Pariġi.
Dwar il-Belarus, Dr Abela tenna li l-Kunsill ikkundanna l-inżul sfurzat tat-titjira tar-RyanAir f’Minsk ftit tal-jiem ilu hekk kif ipperikolat is-sigurtà tal-avjazzjoni u li wasslet għall-arrest ta’ ġurnalist u s-sieħba tiegħu.
Sostna li l-mexxejja talbu għall-ħelsien ta’ dawn il-persuni.
Fuq ir-Russja, Dr Abela spjega li l-Kunsill Ewropew f’dibattitu strateġiku, ikkundanna l-attivitajiet illegali u provokattivi tar-Russi kontra l-Unjoni Ewropea.
F’diskussjoni dwar ir-relazzjonijiet mar-Renju Unit Dr Abela spjega li ġie milqugħ il-ftehim tad-dħul tal-kummerċ u l-koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit.
B’hekk il-Prim Ministru enfasizza li dawn għandhom jiġu implementati b’mod effettiv.
Fil-fatt, dwar Brexit, il-Prim Ministru nnota li numru mhux żgħir ta’ ċittadini tar-Renju Unit applikaw għad-dokument ġdid tar-residenza filwaqt li numru sostanzjali ta’ persuni diġà ngħataw dan id-dokument.
Fuq il-ġlied fil-Lvant Nofsani Dr Abela spjega li l-Kunsill Ewropew laqa’ l-ftehim milħuq għal waqfien tal-ġlied. Dan filwaqt li ġie mtenni l-impenn għal aktar djalogu ma’ sħab internazzjonali biex jibda proċess politiku ġdid. Waqt is-summit ġie kkundannat ukoll il-ħtif tal-President tal-Mali.
Finalment fuq is-suġġett tal-immigrazzjoni Dr Abela tenna li f’sessjoni informali huwa wassal il-pożizzjoni tal-Gvern se jagħmel minn kollox biex inaqqas l-impatt ta’ dan il-fenomenu.
Dan b’ħidma kontinwa mal-awtoritajiet Libjani anke kontra t-traffikanti tal-bnedmin.