“Il-kwalità fuq il-kwantità.” Hekk iddikjara l-Prim Ministru Robert Abela meta fil-Parlament kien qed jitkellem dwar il-qasam tal-ħaddiema barranin fostna u l-miżura tal-Baġit 2025, li se jara l-introduzzjoni tal-Labour Migration Policy.
“Biex timla 32,000 post tax-xogħol ġdid ifisser li trid iġġib minn barra minn pajjiżna 40,000 ħaddiem barrani. Dak huwa, Sur President, li qegħdin jgħidu fil-Pre-Budget Document tagħhom li, għal xi raġuni, qatt ma ra d-dawl tax-xemx, u se nkun qed ngħid għaliex qatt ma ra d-dawl tax-xemx, Sur President. Tafu, imma, x’inhi l-ipokrezija tan-naħa l-oħra, Sur President? Filgħodu jmorru jagħmlu press conference u jitkellmu kontra l-ħaddiema barranin u jgħidu li se jnaqqsu l-ħaddiema barranin minn pajjiżna, filgħaxija jmorru jiktbu li se jżidu l-ħaddiema, u fil-laqgħat li qegħdin jagħmlu l-Istamperija ma’ min iħaddem jgħidulhom li se jħalluhom iġibu minn barra l-pajjiż ħaddiema kemm iridu. Dik hi l-ipokrezija tal-Partit Nazzjonalista. Ara magħna n-nies jafu fejn qegħdin, magħna n-nies jafu fejn qegħdin, għax dejjem konna ċari magħhom.”
Il-Prim Ministru għamilha ċara li mhux se jippermetti li tinħoloq xi sitwazzjoni fejn in-negozju jkun jaqbillu jaħdem b’barrani milli Malti, b’kundizzjonijiet inferjuri.
Tenna li se jassigura li ħaddiema minn pajjiżi terzi jiġu ngaġġati biss fejn hu meħtieġ. Ħaġa li anke ntweriet biċ-ċar fl-aħħar xhur bid-deċiżjonijiet fejn jidħlu l-liċenzjar tal-aġenziji tax-xogħol, fuq is-settur tal-Y plates u l-food couriers.
Dr Abela nnota l-konfużjoni tal-Partit Nazzjonalista anke b’rabta ma’ dan is-suġġett.
Quddiem dan kollu, il-Prim Ministru anke għamel referenza għall-politika nazzjonali msejħa ‘Viżjoni Malta 2050’.
“Dan hu żmien li, għall-ewwel darba fl-istorja ta’ dan il-pajjiż, infasslu viżjoni komprensiva u ħolistika u proattiva għal Malta li teħodna sal-2050. Din il-viżjoni se tistabbilixxi b’direzzjoni strateġika li jrid jieħu pajjiżna għall-futur u se tinħadem bil-għan li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini kollha, filwaqt li tagħti l-kuraġġ li l-pajjiż jaqbad triq ta’ tkabbir sostenibbli bbażat fuq il-kwalità.”