Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li llum il-Kabinett approva u llejla se jippreżenta abbozz ta’ liġi biex jemenda kundizzjonijiet marbuta mad-divorzju.
Fuq twitter, il-Prim Ministru qal li l-Gvern huwa impenjat li jibqa’ jindirizza r-realtajiet li l-familji Maltin u Għawdxin qed jaffaċċjaw.
Saħaq li l-Gvern se jġib aktar bidliet għall-aħjar.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rosianne Cutajar se tkun qed tressaq l-ewwel qari ta’ dan l-abbozz quddiem il-Parlament.
Il-Gvern qal li x-xogħol fuq l-abbozz ta’ liġi kien jirrikjedi impenn qawwi legali li analizza d-dettalji tal-liġi preżenti.
Spjega kif intqal f’bosta okkażjonijiet pubbliċi, huwa jinsab kommess li jibdel din il-liġi li daħlet fis-seħħ kważi għaxar snin ilu.
Dan l-abbozz mistenni jneħħi kull xkiel legali sabiex jindirizza aħjar ir-realtaijiet tal-familji Maltin u Għawdxin.
L-abbozz ser inaqqas il-ħafna weġgħat u diffikultajiet li jinsabu fihom persuni f’din is-sitwazzjoni fosthom it-tfal, billi se jkun hemm tibdil fit-terminu ta’ żmien li wieħed irid jistenna sabiex ikun jista’ jikseb d-divorzju.
Fi stqarrija, il-Gvern qal li se jibqa’ jżomm idejh fuq il-polz tal-familji u se jibqa’ jaħdem sabiex il-familja tibqa’ tissaħħaħ permezz ta’ politika progressiva.
Preżentament koppji li jixtiequ jiddivorzjaw jeħtieġ li jkunu ilhom minn tal-inqas erba’ snin separati iżda xhur ilu, il-Prim Ministru kien imbotta idea li koppji ma jkollhomx bżonn erba’ snin biex jiksbu d-divorzju.
Kien saħaq li jeħtieġ aġġornament fil-liġi tad-divorzju li daħlet fl-2011.
Cabinet has approved and shall present a bill in #Parliament today to amend the conditions required to attain #divorce – we are committed to address the realities that #Maltese & #Gozitan families are facing – @Maltagov will bring about more change for the better – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) December 9, 2020