Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna qed jaħdmu b’mod robust u ħadd ma jista’ jikkritika l-istituzzjonijiet li għandhom xi indħil jew li qed jiġu influwenzati minn xi ħadd.
Mal-Maltatoday, il-Prim Ministru ġie mistoqsi dwar l-aħħar żviluppi marbuta mal-arrest ta’ Keith Schembri fost oħrajn wara li ġiet konkluża inkjesta Maġisterjali li kienet qed tinvestiga l-akkużi ta’ tixħim fil-konfront ta’ Keith Schembri u Brian Tonna mill-programm ta’ ċittadinanza b’investiment. Dr. Abela saħaq li l-proġetti li servew ta’ ġid għall-pajjiż fosthom il-programm ta’ ċittadinanza b’investimnent m’għandhomx jitwaqqfu minħabba individwi għaliex ilkoll nafu li mingħajr dawn il-proġetti, pajjiżna ma kienx jista’ jwieżen lill-familji u n-negozji matul l-imxija.
Il-Prim Ministru aċċenna li hu jħalli x-xogħol tal-ġudikatura jieħu l-kors tiegħu u ma jindaħal bl-ebda mod fil-ħidma tal-Qrati.