Il-Gvern Malti rnexxielu jikkonvinċi liċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, l-ECDC, biex l-immigranti li daħlu f’pajjiżna li kienu pożittivi għall-Covid-19 ma jitqiesux mal-lista ta’ każijiet attivi.
Ħabbar dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt intervista l-Ħadd filgħodu fuq l-istazzjon ONE, fl-isfond ta’ żieda fil-każijiet ta’ Covid-19 madwar id-dinja.
Huwa stqarr: “Irnexxielna nikkonviċu bħala pajjiż lill-ECDC, il-European Centre for Disease Prevention and Control, entità uffiċjali tal-Unjoni Ewropea biex l-immigranti li huma pożittivi għall-Covid-19 f’pajjiżna ma jitqiesux mat-total tal-pajjiż.”
Quddiem il-ġurnalisti minn kmamar tal-aħbarijiet differenti, il-Prim Ministru spjega kif l-għan ta’ dan il-Gvern mhux li jitfa’ l-problema taħt it-tapit imma li jindirizzaha u b’hekk klinikalment inaqqas il-każijiet attivi.
Huwa sostna: “L-istrateġija tagħna llum trid tkun li b’mod kliniku nnaqqsu r-rata tal-infezzjonijiet. Innaqqsu r-rata ta’ infezzjonijiet b’miżuri kliniċi, miżuri li ma mmorrux f’estremitajiet li nġibu kif kien qalilna ħaddieħor fil-passat, nies priġunieri f’darhom.”
Il-Prim Ministru semma wkoll kif skont statistika tal-ECDC, minn fost l-Ewropa kollha Malta hija l-pajjiż bl-inqas rati ta’ każijiet u mwiet relatati mal-pandemija.
Dr Abela qal: “It-total tal-infezzjonijiet huwa l-inqas wieħed fil-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea kollha. Malta u Għawdex lanqas pajjiż fl-Unjoni Ewropea li kellu mwiet ta’ persuni li kienu nfettati bil-Covid-19.”
Tkellem ukoll dwar ir-rata tal-ittestjar għall-Covid-19 f’pajjiżna, li tiżboq bil-kbir ir-rati ta’ pajjiżi oħra mhux biss fl-Ewropa imma fid-dinja. “Hawnekk nixtieq nuri ftit grafika. Din ta’ fuq hija r-rata ta’ testijiet li ssir f’pajjiżna għal tant eluf ta’ persuni. Ħarsu lejn Malta. Malta qiegħda hawn fuq fil-quċċata b’ħafna. Pajjiżi oħrajn Ewropej lanqas jibdew mar-rata ta’ testing li nagħmlu f’pajjiżna.”
Il-Prim Ministru aċċenna għad-deċiżjonijiet li ttieħdu fl-aħħar xhur bejnu, bejn id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci, u li flimkien se jibqgħu jieħduhom fiż-żmien li ġej.
Filwaqt li semma wkoll id-deċiżjoni li jiġu ttestjati l-persuni fl-ajruport internazzjonali ta’ pajjiżna, ma eskludiex iktar leġiżlazzjoni li tħares id-distanza soċjali.
Huwa tenna: “M’għandux ikollu liġi. Għandha tiġi minni mill-awtodixxiplina li nżommu d-distanza. Jekk mhux ħa tiġi minn nies se jkollna u jidher li se jkollna nilleġislaw.”
Minkejja dan kollu l-Prim Ministru Abela stqarr li jinsab diżappuntat b’kampanja ta’ misinformazzjoni kontinwa li bħalissa għaddejja fil-pajjiż.
Kampanja li waslet sabiex sfortunatament jintilef is-sentiment ta’ għaqda nazzjonali b’tentattiv li jiġu skurjati punti politiċi.
Fil-fatt il-Prim Ministru semma’ kif dan il-Gvern minflok qed isib Oppożizzjoni li jiddiskuti magħha, illum il-ġurnata l-Partit Nazzjonalista jinsab moħli f’elezzjoni interna biex jeleġġi Kap ġdid.
Huwa saħaq: “L-Oppożizzjoni mitlufa biex tagħżel il-Kap tagħha. Marret into election mode f’mument fejn suppost qegħdin iffukati fuq is-saħħa ta’ dan il-pajjiż. Xi ħaġa li l-poplu Malti naħseb diffiċli li ser jaħfirha.”
Minkejja dan kollu l-Prim Ministru assigura kif Gvern Laburista se jibqa’ juri kif il-prijorità ewlenija tiegħu hija saħħet il-poplu Malti u Għawdxi.
Dr Abela kompla jgħid: “Qegħdin f’mument fejn lill-poplu Malti rridu nkomplu nuruh kemm aħna bħala Gvern, kemm aħna bħala soċjetà verament niprijoritizzaw is-saħħa tiegħu. Dik kienet l-ewwel prijorità minn Marzu li għadda, baqgħet l-ewwel prijorità tul ix-xhur kollha u se tibqa’ dik il-prijorità sakemm din il-pandemija tasal fit-tmiem tagħha.”
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2020/08/16/gvern-li-jmexxi-bmod-trasparenti-u-onest/