Fil-ġimgħa li fiha l-Gvern ippreżenta l-viżjoni li għandu għall-Port il-Kbir, il-Prim Ministru Robert Abela spjega li din il-viżjoni diġà bdiet timmaterjalizza u se tkun timbru ta’ dan il-Gvern fis-snin li ġejjin.
Il-pjan mhux biss se jimmassimizza l-potenzjal ta’ kull żona tal-port iżda se jassigura ambjent sigur għar-residenti madwar iż-żoni tal-port, fosthom bi proġetti bħal dak tax-shore to ship.
Il-Prim Ministru stqarr: “Qbadna d-disa’ żoni ewlenin u mmarkajna l-opportunitajiet li għandna bħala pajjiż. Il-Port il-Kbir, apparti li hu fost l-isbaħ, jien nemmen li l-isbaħ, fih attività turistika u industrijali. Fil-pjan irridu naraw li nisfruttaw il-potenzjal sħiħ tal-port.”
Fl-intervista fuq ONE Radio, il-Mexxej Laburista ma naqasx isemmi investimenti oħra li ġew inawgurati din il-ġimgħa bħal dak ta’ żewġ miljun u ħames mitt elf ewro fiċ-ċentru Esplora, u ieħor minn kumpanija ewlenija fl-industrija marittima.
Dr Abela qal li l-investiment ta’ miljun ewro mill-kumpanija Marina di Valletta se jibqa’ jsaħħaħ il-qasam marittimu f’Malta. Dan diġà jkopri mal-14% tal-Prodott Domestiku Gross tal-pajjiż, u kapaċi joħloq impjiegi ta’ kwalità li jrendu. Għalhekk il-Gvern irid ikompli jimmassimizzah.
Huwa sostna: “Ir-riżultat mhux biss frott il-pożizzjoni ta’ Malta u tradizzjonijiet tajba. L-awtoritajiet tagħna tqiesu fost l-aqwa li dawn l-investituri ltaqgħu magħhom madwar id-dinja. Meta ngħid li pajjiżna jkun fost dawk fil-quċċata għaliex dan settur ieħor fejn aħna l-akbar bandiera prominenti fl-Ewropa imma fl-aħħar snin ir-relevanza tal-pajjiż baqgħet tikber tissaħħaħ.”
Il-Prim Ministru temm ifisser ukoll kif dan hu settur ieħor xhieda ta’ kif il-gżejjer Maltin jistgħu u se jkomplu jikbru fis-snin li ġejjin, anke b’investiment fin-nies u l-komunitajiet, fosthom fil-Kottonera.
Dr Abela saħaq: “Dan se jkun l-aktar Gvern li se jkun investa fit-tliet ibliet u l-Kalkara għaliex għandna n-nies għal qalbna, ekonomija li rendiet u rieda li nittrasformaw lill-pajjiż.”