It-Tlieta filgħaxija, il-Prim Ministru Robert Abela għamel stqarrija Ministerjali dwar il-Kunsill Ewropew virtwali li sar il-Ħamis filgħaxija fejn il-mexxejja Ewropej iddiskutew il-pandemija.
Il-Prim Ministru qal li fil-jum tat-Tnejn waslet konsenja oħra ta’ ‘l fuq minn erbatax -il elf doża tal-vaċċin għal kontra l-Covid-19 tad-ditta Pfizer filwaqt li ttieħdet deċiżjoni waqt laqgħa tal-Kabinett sabiex jiġu investiti żewġ miljun ewro sabiex jinxtraw tmenin elf doża oħra mill-kumpanija. Moderna.
Qal kif, “Nixtieq nagħmel parentesi żgħira biex infakkar żewġ żviluppi pożittivi oħra li kellna lbieraħ. L-ewwel, il-wasla ta’ 14,040 doża tal-vaċċin tad-ditta Pfizer. U t-tieni, id-deċiżjoni meħuda fil-Kabinett ilbieraħ ukoll li ninvestu madwar €2 miljun oħra biex nixtru 80,000 doża tal-vaċċin tal-Moderna.”
Il-Prim Ministru rrimarka li l-Oppożizzjoni kienet talbet għal-lockdown u llum kulħadd jaf x’qed jiġri f’pajjiżi oħra, fosthom l-Olanda fejn għaddejja vjolenza u ribelljoni min-nies.
Saħaq li l-Gvern Malti kien wieħed deċiżiv li ħa d-deċiżjonijiet meħtieġa fi żmien opportun u anki wieżen lill-familji u n-negozji.
Spjega, “U s-suċċess ta’ dan il-Gvern waqt il-pandemija kien għaliex kien Gvern deċiżiv li malli faqqgħet il-pandemija fis-7 ta’ Marzu li għadda ħadna l-iktar deċiżjonijiet iebsin għalaqna l-ajruport, ftit tal-jiem wara għalaqna l-iskejjel, għalaqna n-negozji – dakinhar hekk kien meħtieġ. Illum huma meħtieġa deċiżjonijiet differenti. Wara li ħadna d-deċiżjonijiet f’Marzu immedjatament bdejna bl-ewwel pakkett finanzjarju, it-tieni pakkett. Morna f’Ġunju, nedejna pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika ta’ disa’ mitt miljun ewro sur president, disa’ mitt miljun ewro.”
Intervjena wkoll id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne li spjega li pajjiżna qiegħed jaħdem sabiex in-numru ta’ dożi mingħand Moderna jiżdied b’170,000 oħra biex sal-aħħar tas-sena jkollna biżżejjed dożi biex jitlaqqam il-poplu kollu anki jekk il-vaċċin tal-AstraZeneca ma jkunx approvat mill-Kummissjoni Ewropea.
Chris Fearne ħabbar ukoll mill-ġimgħa d-dieħla ser jirdoppjaw l-isforzi għall-ittestjar tal-varjanti tal-virus.
Qal kif, “Mill-ġimgħa d-dieħla ħa nkunu qegħdin nirdoppjaw in-numru ta’ sequencing li se nkunu qegħdin nagħmlu fil-ġimgħa biex mhux biss dawk il-passiġġieri pożittivi li jiġu mill-Ingilterra nkunu qed nittestjawhom imma nkunu qed nittestjaw firxa wiegħsa tal-populazzjoni Maltija u Għawdxija biex jekk ikun hemm xi forma ta’ varjant ġewwa pajjiżna naqbduh minn qabel.”
Intant il-Prim Ministru semma s-suġġett tal-immigrazzjoni fejn il-Prim Ministru qal li Malta kompliet taħdem biex din il-materja tkun fuq l-aġenda tal-laqgħa li jmiss tal-mexxejja Ewropej.
Dwar żbarki differenti tal-immigranti fl-Italja, fosthom fil-port t’Augusta, il-Prim Ministru Robert Abela kien ċar u tenna l-pożizzjoni ta’ Malta, dik li ma nistgħux naċċettaw id-dħul ta’ iżjed immigranti għaliex pajjiżna diġà refa’ piż sproporzjonat.
Qal, “Il-pożizzjoni tagħna hija waħda ċara li aħna ma konniex lesti li naċċettaw li jidħlu immigranti pajjżna u filfatt hekk ġara u għaldaqstant fil-fehma tagħna ma kien hemm l-ebda diffikultà li tiġi diskussa. Il-pożizzjoni tagħna għamilniha ċara daqs kemm hi ċara l-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni li Malta mhijiex full-up. Aħna għamilna pożizzjoni minn dejjem li Malta ma tiflaħx iżjed piż minn dak li diġà refgħet fis-snin li għaddew, il-piż li erfajna huwa wieħed sproporzjonat.”
Il-Prim Ministru saħaq li f’ġieħ l-interess nazzjonali, Malta għandha jkollha pożizzjoni waħda komuni bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni dwar l-immigrazzjoni.
Qal, “Aħna għandu jkollna pożizzjoni nazzjonali komuni li dan il-pajjiż ċkejken ma jiflaħx iktar għall-piż tal-immigrazzjoni u għandkom tappoġġjaw il-pożizzjoni tagħna illi iva, nirreżistu dgħajsa li tipprova tidħol f’pajjiżna u aħna nkunu tal-fehma li m’għandhiex tidħol, għandkom tkunu magħna flok tmorru tappoġġjaw Onorevoli Joe Ellis, flok mort tappoġġja inti u tiffirma dokumenti biex lili, lill-Brigadier u lis-suldati titfana’ l-ħabs.”