Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-Gvern se jerfa’ r-responsabilità tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru tkellem dwar ir-rapport tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u qal kif it-talba tiegħu biex ir-rapport ikun diskuss il-Ħamis filgħodu fil-Parlament, ġiet milqugħa.
Qal, “Nista’ nagħti l-kelma tiegħi minn issa li ser nimbarkaw fi proċess biex il-prinċipji ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet mir-rapport, nagħtuhom il-ħajja u tibda konsultazzjoni miftuħa fuq it-twettiq tal-istess rakkomandazzjonijiet. Kif sar bir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja, il-Gvern ser jerfa’ ir-responsabiltà tal-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet.”
Dr Robert Abela bħala Prim Ministru għamel apoloġija f’isem l-istat.
Spjega, “Għalhekk irrid inkun jien li nitlob apoloġija għal fejn naqas l-istat. Fuq quddiem nett lill-familja tas-sinjura Daphne Caruana Galizia, iżda wkoll lil kull min kien affettwat ħażin meta l-istat naqas.”
Dr Abela għamel referenza għal dak li qal il-bord magħmul minn tliet ġudikanti fejn tennew għal aktar minn darba li l-Istat ma kellu l-ebda rwol fl-assassinju ta’ Caruana Galizia.
Il-Prim Ministru tenna li bħala Gvern se jibqa’ jieħu t-tagħlimiet kollha minn dan l-episodju xejn sabiħ fl-istorja ta’ pajjiżna.
Hawnhekk spjega li se jinbeda proċess biex jintlaħqu l-għanijiet li jpoġġu r-rakomandazzjonijiet li jagħmel dan ir-rapport.
Dr Abela spjega li din hija ferita li se tfiq bil-mod madankollu dan irid isir mingħajr qatt ma naqgħu fit-tentazzjoni li ninsewh.
B’rabta mar-rakomandazzjonijiet, Dr Abela fakkar kif bħal ma sar fir-rapporti tal-Kummissjoni Venezja u tal-Moneyval il-Gvern se jkun qed jimplimenta dak li ġie rrakomandat.
Dan se jkun qed isir permezz ta’ ħidma intensiva li se tinvolvi wkoll l-Oppożizzjoni fil-Parlament hekk kif numru ta’ riformi għandhom bżonn qbil Parlamentari.
Dr Abela fakkar f’numru ta’ riformi fosthom dwar ħatriet importanti tal-istituzzjonijiet.
Qal, “F’dawn it-tmintax-il xahar ma qgħadnix idejna fuq żaqqna nistennew ir-rapport joħroġ. Filwaqt li l-inkjesta ħadmet bl-akbar libertà u ngħatat ir-riżorsi kollha meħtieġa imbarkajna fuq għadd kbir ta’ riformi. Riformi li ħolqu rivoluzzjoni fil-mod kif isiru l-ħatriet tal-ġudikatura, kif jinħatar Prim Imħallef, il-Kummissarju tal-Pulizija, b’dan tal-aħħar kien proċess li beda saħansitra biss ftit sigħat wara li kont inħtart Prim Ministru.”
Tenna li dan kollu sar b’sens ta’ konvinzjoni.
Dr Abela nnota li l-bord ta’ inkjesta pubblika laqa’ dawn ir-riformi.
Il-Prim Ministru tenna li m’hemmx dubju li dak li seħħ fl-2017 ma jaħtix għalih il-poplu Malti u Għawdxi għalih.
Huwa rrimarka li tul dawn l-aħħar xhur ngħatat prova li l-ġustizzja ma tħares lejn wiċċ ħadd.
Spjega li tul is-snin kien hawn min ħaseb li qed igawdi minn immunità u impunità madankollu dak li ġara fl-aħħar xhur wera li dan mhux minnu.
Qal, “L-aħħar xhur kienu xhieda ċara ta’ ġustizzja li ma tħares lejn wiċċ ħadd. Mhux biss fil-każ tal-omiċidju ta’ Caruana Galizia, fl-istess ħin irrid infakkar ukoll li llum għandna l-ewwel persuna misjuba ħatja dwar dan il-qtil u li ngħatat sentenza ta’ 15-il sena ħabs. Sitt persuni huma mressqa quddiem il-Qrati tal-ġustizzja dwar dan il-każ u li dwarhom il-proċess ġudizzjarju jinsab miexi sew.”
Il-Prim Ministru spjega li faċli taqa’ għat-tentazzjoni tal-firda.
Hawnhekk tenna li irridu nifhmu li d-dibattitu politiku partiġġjan mhux loku.
Bħala Prim Ministru tenna li żgur mhux se jagħmel hekk.
Dan sabiex ikollna pajjiż aktar modern b’istituzzjonijiet b’saħħithom.
Il-Prim Ministru għalaq billi spjega li se jibqa’ iwassal il-messaġġ biex l-isfidi naħdmu fuqhom bħala pajjiż magħqud.