Pajjiżna għandu l-ingredjenti kollha biex isir ċentru tal-innovazzjoni u t-teknoloġijna Ewropea fis-settur tas-semiconductors. Dan intqal mill-Prim Ministru Robert Abela waqt żjara li għamel fil-fabbrika ta’ ST Microelectronics, li fiha għaddejjin proġetti pilota għal apparat diġitali u robotiku ġdid.
Dan il-proġett hu parti minn kullana ta’ proġetti Ewropej taħt il-programm ‘Important Projects of Common European Interest’, li qed iwassal għal proġetti ta’ riċerka u żvilupp fuq l-aktar teknoloġiji avvanzati fid-dinja.
F’dan l-impjant f’Ħal Kirkop qed jiġu, fil-fatt, żviluppati prodotti teknoloġiċi innovattivi, bil-għan li jitjieb l-operat tal-kumpanija fil-manifattura tal-microchips.
Dr Abela mhux biss innota l-impenn tal-Gvern li jappoġġja l-innovazzjoni ta’ fabbrika, bħall-ST, iżda esprima kif il-futur ta’ din il-kumpanija f’Malta, li tħaddem mal-1,800 persuna, hu wieħed sabiħ ħafna.
Fi żjara li għamel qabel fl-impjant, il-Prim Ministru ra l-operat għaddej li jwassal biex il-kumpanija tipproċessa mat-2.7 miljun ċippa kuljum.
Hawnhekk Dr Abela qal li r-realtà hi li ħafna mill-affarijiet li nużaw, minn smartphones għal vetturi, għandhom fihom ċipep li jsiru f’pajjiżna stess. Qal li dawn iċ-ċipep għandhom rwol importanti fid-dinja teknoloġika tal-lum u allura r-rwol ta’ Malta f’qafas teknoloġiku globali hu wkoll sinifikanti.
Il-Prim Ministru sostna li dan hu l-mod kif qed nimmodernizzaw l-ekonomija Maltija u noħolqu opportunitajiet ta’ xogħol ta’ kwalità fejn l-istudenti Maltin u Għawdxin jistgħu jsibu mpjiegi fl-aktar setturi avvanzati fid-dinja. Din hi l-ambizzjoni li qed juri l-Gvern fl-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna.
Il-Prim Ministru nnota l-impenn ta’ ST Malta u xhieda ta’ dan hu l-investiment li għaddej fl-impjant ta’ Ħal Kirkop bl-appoġġ tal-entitajiet governattivi l-Malta Enterprise u l-INDIS.
Hawnhekk il-Prim Ministru u l-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri raw xogħol li għaddej dwar teknoloġija state-of-the-art, li tindirizza l-ittestjar u l-ippakkeġġjar ta’ ċipep diġitali għall-vetturi u diversi industriji, fost oħrajn. Dan flimkien ma’ teknoloġija avvanzata marbuta mal-manifattura awtomatizzata mħaddma bl-intelliġenza artifiċjali.
Dr Abela qal li Malta mhix qed tkun passiva ssegwi dak li qed jiġri fl-industrija marbuta mas-semiconductors. Anzi, minflok, qed twassal vuċi fuq livelli Ewropej biex tkompli tissaħħaħ il-kompettitività industrijali u fl-innovazzjoni.
Il-Prim Ministru fisser kif dak li beda fl-ST se jsaħħaħ l-ekosistema f’pajjiżna għall-innovazzjoni u t-teknoloġija tas-semiconductors li qed ikomplu jimmodernizzaw l-ekonomija tagħna, li tibqa’ toffri l-aqwa opportunitajiet għall-Maltin u l-Għawdxin, partikolarment iż-żgħażagħ.