Waqt żjara fl-uffiċini tal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-operat tal-istat għandu jkun ta’ eżempju fl-isfera tal-aċċessibilità għall-persuni b’diżabilità.
Il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli fejn segwew mill-qrib il-ħidma kontinwa li qed issir sabiex is-soċjetà Maltija tkompli tkun waħda inklussiva.
Il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità Samantha Pace Gasan qalet li fil-ħidma tagħha, is-CRPD qiegħda taħdem sabiex telimina kull forma ta’ diskriminazzjoni soċjali diretta jew indiretta kontra persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom.
Qalet li l-Kummissjoni tagħmel dan permezz ta’ investigazzjonijiet li tagħmel f’sitwazzjonijiet ta’ allegat diskriminazzjoni li fuqhom tirċievi ilmenti.
Semmiet li bħalissa s-CRPD għaddejja minn proċess ta’ tisħiħ fit-taqsima tal-infurzar sabiex tkun tista’ topera aħjar bħala regolatur biex tassigura li d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità jiġu mħarsa, filwaqt li jkollha aktar setgħa tħarrek lil dawk li ma jimxux ma’ dak li hu mistenni minnhom bil-liġi.
Il-Prim Ministru Robert Abela sellem lill-ħaddiema kollha ta’ din il-Kummissjoni fejn sittin fil-mija huma persuni b’diżabilità.
Dr Abela qal li b’fatti konkreti, dan il-Gvern qed juri li għandu għal qalbu s-settur tad-diżabbiltà, hekk kif ftit tax-xhur ilu dan il-qasam ġie elevat għal-livell ta’ Ministeru.
Il-Ministru Farrugia Portelli spjegat li din is-sena se nkunu qed naraw numru ta’ proġetti u servizzi ġodda li jwieżnu lill-persuni b’diżabbiltà u l-qrabathom, inkluż liġijiet li għal snin twal ingħataw il-ġenb u tħallew minsija.
Il-Kummissarju Pace Gasan enfasizzat l-importanza li l-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom jingħataw importanza fil-proċess sħiħ tad-deċiżjonijiet u mhux biss meta qed jiġu diskussi servizzi u kwistjonijiet li jolqtu dirett lill-persuni b’diżabbiltà.