Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela qal li l-Gvern irnexxielu jikseb ammont sostanzjali ta’ dożi tal-vaċċini kontra l-Covid-19, b’mod leġittimu iżda aggressiv.
Dr Abela qal dan waqt programm ta’ diskussjoni man-nies, fosthom esperti minn oqsma differenti fis-soċjetà, fejn fih aċċenna għall-kritika li rċeviet Malta minn pajjiżi bħall-Awstrija u l-Bulgarija.
Il-Prim Ministru Robert Abela stqarr: “Ma nistħix ngħid li aħna aggressivi fil-mod ta’ kif inġibu l-vaċċin f’pajjiżna. M’aħniex qed noperaw minn taħt kif akkużana ħaddieħor. Le qed noperaw b’mod leġittimu imma iva qed inkunu aggressivi u ma nsejħilhiex tberbiq ta’ flus.”
Fil-fatt dan il-front li nfetaħ kontra pajjiżna għandu warajh pajjiżi li huma membri fil-Partit Popolari Ewropew u li fih jappartjeni l-Partit Nazzjonalista. Dr Abela appella għall-għaqda quddiem dan l-attakk li jekk jimmaterjalizza jista’ jissarraf f’anqas dożi tal-vaċċin li jkun jista’ jġib pajjiżna, u kien grazzi għal din il-ħidma li llum pajjiżna huwa l-aktar stat membru fl-Ewropa li qed ilaqqam nies.
Huwa sostna: “Inzerta li dan il-front li nfetaħ kontra Malta minn numru ta’ stati membri tal-Unjoni Ewropea, għandu warajh pajjiżi li huma membri fl-EPP li hija l-familja politika li jappartjeni għaliha l-Partit Nazzjonalista. Hawnhekk nemmen li hemm test importanti ta’ għaqda nazzjonali.”
Hekk kif fl-aħħar jiem iddaħħlu miżuri ġodda biex tkompli tiġi mrażżna l-imxija, Dr Abela qal li il-Gvern dejjem mexa abbażi tax-xjenza li kellu quddiemu, u seta’ jieħu d-deċiżjonijiet abbażi s-sitwazzjoni fil-mument u dejjem b’kawtela. Dan filwaqt li żamm il-bilanċ bejn is-saħħa u l-għajxien tan-nies.
Dr Abela saħaq: “Irid ikollok litteralment ħarsa ħolistika tas-sitwazzjoni kollha mbagħad tieħu d-deċiżjonijiet. Kruċjali iżda li dejjem żammejna l-bilanċ. Prinċipju ewlieni kien li żammejna l-bilanċ. Il-protezzjoni tas-saħħa tan-nies dik ewlenija imma mbagħad il-protezzjoni tal-għejxien tan-nies.”
Hawnhekk intervjenew bosta persuni minn kull settur tas-soċjetà, fosthom il-Professur Stephen Montefort u Dr Marius Caruana.
Il-Professur Montefort tkellem dwar il-varjant il-ġdid li qed jiddomina fil-maġġoranza ta’ każijiet pożittivi f’Malta. Sostna kif dan jista’ jiġi trasmess b’rata ta’ 70% iktar mill-virus oriġinali. Madankollu minkejja din ir-rata, spjega li dan ma jfissirx li jwassal għal aktar imwiet.
Huwa qal, “Jaħsbu li huwa iktar trasmessibbli jiġifieri bejn 40 to 70% iktar trasmessibbli u barra minn hekk hemm xi studji li qed jissuġerixxu li dan jaf ikun iktar sever however hemm question marks bħal kwalunkwe studju xjentifiku pereżempu mis-CDC u l-Mayo Clinic li għandhom bżonn iktar informazzjoni.”
Dr Marius Caruana spjega li bħalissa qed jingħataw madwar 4,000 doża tal-vaċċin kuljum f’40 ċentru madwar Malta u Għawdex. B’hekk spjega li madwar 17% tal-popolazzjoni Maltija hija mlaqqma b’doża tal-vaċċin.
Huwa tenna: “Nixtieq nenfasizza li jekk qed tirċievu l-appuntament biex tmorru tieħdu l-vaċċin, ma tibżgħux mill-vaċċin. Il-vaċċini sa issa li għandna disponibbli jidhru li huma siguri. Nieħdu l-pariri uffiċjali, parir professjonali u mediċi u ma noqgħodux fuq sorsi oħra ta’ informazzjoni li qed taqraw minn bnadi oħra.”
Il-Kirurgu Joe Etiene Abela sostna wkoll l-investiment importanti li qed isir minn Gvern Laburista fil-qasam tas-saħħa minkejja l-isfidi li qed iġġib magħha l-pandemija. Saħaq li l-varjant il-ġdid ħoloq sfidi ġodda madankollu ma waqqafx l-investiment fil-ħaddiema li jinsabu fuq quddiem nett tal-ġlieda kontra l-imxija.
Hawnhekk semma investiment f’apparat mediku.
Dwar l-ekonomija, intervjena wkoll id-Deputat Segretarju tal-General Workers Union Kevin Camilleri li aċċenna għaż-żamma qawwija tal-impjiegi f’pajjiżna meta mqabbek ma’ pajjiżi oħra permezz tal-miżuri kbar li ħabbar il-Gvern tul l-aħħar sena.
L-Analista Finanzjarja Jessica Camilleri tkellmet ukoll dwar il-qagħda ekonomika ta’ pajjiżna minkejja l-pandemija, u fakkret kif il-Kummissjoni Ewropea tat riżultati pożittivi għal Malta, hekk kif se tkun minn tal-ewwel li se tirkupra mill-effetti ekonomiċi tal-Covid-19.
Sostniet l-importanza ta’ transizzjoni lejn sistemi aktar diġitali u teknoloġiċi biex ir-rotta lejn normalità ekonomika tkun aktar faċli.