“Kull miżura tal-Baġit, se tkun immirata lejn id-direzzjoni strateġika li rridu nieħdu l-ekonomija fiha.”
Qal dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela, meta indirizza attività ta’ diskussjoni mtella’ mill-Partit Laburista fil-binja tal-Inspire, bit-tema, ‘Ekonomija li taħdem għan-nies’, fejn qal li t-tkabbir ekonomiku jrid jissarraf f’ġid komuni li jitqassam f’setturi varji tas-soċjetà.
“Nhar it-Tnejn, fil-baġit, filwaqt li se jkun wieħed li jkompli jkabbar il-politika fiskali ta’ dan il-Gvern, imma mbagħad, kull miżura li se nkunu qegħdin inniedu, barra li se tkun costed kif dejjem nagħmlu, u sostenibbli, se tkun ukoll xprunata lejn id-direzzjoni strateġika li rridu nieħdu l-ekonomija ta’ pajjiżna.”
ROBERT ABELA
Il-Prim Ministru qal li d-diskussjoni, xprunata min-nies b’fehmiet differenti u minn oqsma varji, kienet interessanti għax minnha qed jiġu mtebħa ideat u soluzzjonijiet li jindirizzaw ir-realtajiet tal-pajjiż.
Semma kif l-ekonomija f’pajjiżna qed tikber b’rata ikbar minn pajjiżi oħra, għax il-Gvern qed jaddotta politika li tinċentiva.
Żied jgħid li l-baġit għas-sena d-dieħla u li se jiġi ppreżentat nhar it-Tnejn 28 t’Ottubru, mhu se jara ebda taxxa ġdida, u se jkun qed iwieżen lil dawk li jinsabu f’sogru tal-faqar – hekk kif il-Partit Laburista huwa Gvern b’ruħ soċjali.
Robert Abela, spjega kif l-ekonomija u s-soċjal qed jingħaqdu fil-Malta Vision 2050 – viżjoni strateġika li tgħaqqad bosta temi importanti u li tagħti direzzjoni ta’ fejn irridu nieħdu lil pajjiżna.
Huwa temm jgħid li pajjiżna dejjem ħoloq opportunitajiet u kiseb suċċess fil-politika li ħaddem, anke fi żmien ta’ sfidi – biex ikollna ekonomija li taħdem għan-nies.
“Fil-kuntest ta’ sfida rajna kif noħolqu opportunitajiet f’kull niċċa ekonomika li tħaddidna dwarha dakinhar. Minn dak l-episodju negattiv, jew ta’ sfida, rnexxielna noħolqu suċċess, u llum li qegħdin nitilqu minn kuntest ta’ ekonomija vibranti, li vera ġġib ċerta sfidi magħha, nemmen li kapaċi nkomplu nfittxu s-soluzzjonijiet, nevalwaw ‘il fuq il-kwalità tal-ħajja tal-poplu tagħna, sabiex verament ikollna ekonomija li taħdem għan-nies u sabiex verament inkomplu nġeddu lil Malta Pajjiżna.”
ROBERT ABELA