Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għaddej b’indaġni ta’ kemm id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina ma daħalx għax-xogħol.
Dan intqal mill-Prim Ministru Robert Abela, waqt li kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti.
Dr Abela qal kif dan l-aħħar, id-deputat Toni Bezzina staqsih mistoqsija Parlamentari.
“Staqsieni PQ il-Perit Toni Bezzina dwar kemm hemm ħaddiema tal-Gvern mill-2013 ’il quddiem, li huma fil-politika li talab it-time sheets tagħhom. Weġibtu mod li t-time sheet tiegħu żġur ma stajtx insibha għax qatt ma jidħol għax-xogħol. Qed ngħidha barra, mingħajr l-immunità Parlamentari. Din għedtha kemm-il darba. Sal-lum, il-Perit Toni Bezzina ma kkontestaniex f’dak li għedt u se nibqa’ ngħidha.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dan hekk kif dan l-aħħar ġie żvelat li d-Deputat Nazzjonalista jaqla’ wieħed u ħamsin elf ewro fis-sena u ma jmurx għax-xogħol. Ġie rrapportat li huwa rarament imur għax-xogħol u meta jmur jagħmel dan biex jimla l-fuel għall-karozza tiegħu biex jużaha għal skop privat.
Waqt li qal li dan l-aġir huwa inaċċettabbli, Dr Abela qal li huwa għandu l-provi f’idejh li Bezzina ilu żmien ma jmur għax-xogħol.