Fid-diskorsi tal-Prim Ministru u tal-Kap tal-Oppożizzjoni ħarġet differenza dwar il-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech kompla mal-u-turn enormi li għamel il-Partit Nazzjonalista dwar dan il-proġett.
Fil-fatt fid-diskors tat-Tnejn filgħaxija fil-Parlament, Bernard Grech kompla juri l-inkonsistenza tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista fuq dan il-proġett.
Għal kuntrarju, il-Prim Ministru Robert Abela fakkar f’riżoluzzjoni li kienet ġiet maqbula bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni b’vot fil-Parlament dwar il-proġett tal-mina bejn iż-żewġ gżejjer.
Dr. Abela tenna l-pjan tal-Gvern li jkompli b’dak li se jkun l-akbar proġett infrastrutturali favur iżjed konnettività bejn Malta u Għawdex.
Il-Prim Ministru kwota wkoll mid-dokument ta’ qabel il-budget tal-Partit Nazzjonalista stess li sar ftit tal-ġimgħat ilu.
Dr Abela stqarr, “Fuq il-permanent link tafu x’għedtu, ħa naqra ħalli żgur ma niżbaljax; The continuation of the permanent link project between the two islands. Jiġifieri ftit tal-jiem ilu qalulna li jrid ikun hemm il-kontinwazzjoni tal-proġett tat-tunnel bejn Malta u Għawdex.”
Il-Prim Ministru saħaq li fuq dan il-proġett tal-mina, li l-Gvern għandu mandat elettorali b’saħħtu fuqu, mal-Oppożizzjoni ma tafx fejn int.
Robert Abela sostna, “Ilbieraħ, x’għamilna lbieraħ. Pruvajt nifhem x’pożizzjoni għandhom fuq it-tunnel, sieq ‘l hawn u sieq ‘l hemm. Iva, le, le, iva. La naf jekk intix back tracking minn dak li għedtu fid-dokument tal-pre-budget. Il-problema dik hija, li inti għandek fuq naħa għandek Gvern li jiddeċiedi u Oppożizzjoni li tiddeċiedi li ma tiddeċidix.”
Meta kien qed jaqra l-budget, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna kien qal li fuq il-mina, tlesta l-proċess tal-pre-qualification questionnaire, li huwa l-ewwel stadju minn proċess ta’ tlieta biex wara jintgħażel il-konċessjonarju li jkun se jiddisinja, jibni, jiffinanzja, jopera u jieħu ħsieb il-mina.